Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
Minn meta kelli biss sitt snin kont inqatta’ ħafna ħin insewgi lil ħija jilgħab il-futbol … minn hemm bdiet l-imħabba tiegħi lejn il-futbol.
U għaliex għażilt proprju r-rwol ta’ goalkeeper?
Il-bidu tiegħi kien bħala rwol ta’ plejer mal Floriana FC, kont nitħareġ mas-subien. Kien hemm mumenti fejn kont nidħol goalkeeper u min hemm linteress beda jikber.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek mat-tim ta’ taħt is-16 il sena ta’ Hibernians FC.
L esperjenza tieghi mal-Hibernians hija waħda pożittiva ħafna, bis-saħħa tal kowċs dejjem nitgħallem u nikber fil- prestazzjonijiet tiegħi. Ninsab kuntenta ħafna li nagħmel parti minn dan it-tim.
X’tikkummenta fuq l-andament tagħkom matul dan l-istaġun sa issa?
Dan l-istaġun ma kienx wieħed faċli iżda xorta nemmen li niksbu aktar riżultati pożittivi ghax nemmen ħafna fl-għaqda li għandna fit-tim
X’inhuma l-aspirazzjonijiet tagħkom għal dan l-istaġun?
L-aspirazzjonijiet tagħna huma li nkomplu ntejbu l-prestazzjonijiet tagħna fil-grawnd u niksbu riżultati aħjar.
Kif tqis il-livell tal-futbol tan-nisa f’pajjiżna fil-preżent?
Il-futbol tan-nisa f’pajjiżna dejjem qiegħed imur għall-aħjar. Hemm nies li jaħdmu kontinwament biex it-talent tan-nisa fil-futbol ikompli jikber.
U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?
F’dawn l aħħar snin ir-riżorsi tjiebu ħafna peró dejjem hemm x’jitranġa biex b’hekk inkomplu ngħollu l-livell fil-futbol tan-nisa f’Malta.
Kemm hu importanti s-settur tal-grassroots fil-futbol?
Is-settur tal-grassroots fil-futbol huwa parti mportanti ħafna għal-bażi tal-plejer sabiex jippreparana fiżikament u mentalment għal-futur.
Kif tqis il-mentalitá tal-isport f’pajjiżna fil-preżent?
F’pajjiżna nħoss li tjiebna imma hemm ħafna aktar x’jitjieb fejn tidħol il-mentalitá fil-futbol.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Nixtieq inkompli nitgħallem biex nikber aktar bħala goalkeeper u forsi fil-futur ikolli ċ-ċans li nilgħab barra minn pajjiżi. Jiġri x’jiġri fil-futur tiegħi l-importanti li nibqa nieħu gost nagħmel dak li verament inhobb.
Ftit tax-xhur ilu kelli l-ewwel esperjenza tiegħi mat-tim nazzjonali Malti ta’ taħt il-15-il sena, esperjenza li kienet waħda pożittiva ħafna, minn diversi aspetti. Inħoss li din l-esperjenza għenitni nikber kemm fl-aspett tekniku u anke dak mentalment.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Bħal kull ħaġ’oħra fil-ħajja, il-futbol jirrikjedi dedikazzjoni u sagrifiċċju, iżda jekk dak huwa verament li tixtieq trid taħdem u tirsisti sabiex taqta’ x-xewqiet kollha tiegħek u ma taqta’ qalbek qatt!

