Tuesday, March 11, 2025

‘Bħal kull sport ieħor, l-ibburdjar jeħtieġ impenn u bilanċ bejn it-taħriġ, studju u xogħol’ – Mark Napier

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-yachting?

Trabbejt l-Isla prattikament immiss il-baħar kuljum. niftakar li ir-Royal Navy kienet iżżomm xi dgħajjes bil-qlugħ fil-Forti Sant’Anġlu u kont nara baħrin għaddejjin ‘l fuq u ‘l isfel fid-daħla tal-Isla. Bdejt inbaħħar bil-qluħ fl-età ta ’11-il sena fuq dgħajsa żgħira maghmula mill-jablo ippressat imsejħa “Sea Snark”. Il-familja tiegħi marret għal ftit ġimgħat tikkampja f’Little Armier li matulha bdejt inbaħħar fil-fliegu  ta ‘Kemmuna. Il-klabb dak iż-żmien kellu wkoll diversi H-boats u kont nipparteċipa bħala ekwipaġġ f’xi tlielaq. Imbagħad ħadt sehem fil-Marsovin Comino Summer Regatta fuq id-dgħajsa ta’ John Bernard bl-isem “Khamsin” u wara komplejt nippartecipa regolarment fi tlelaq.

Iddeskrivi r-responsabbiltajiet ġodda tiegħek bħala Commodore tar-Royal Malta Yacht Club (RMYC).

Bħala Commodore, ir-rwol ewlieni tiegħi huwa li nimmotiva lill-membri tal-Kumitat biex jaħdmu fuq ir-responsabbiltajiet tagħhom, sabiex nilħqu l-miri tagħna u nibnu fuq il-ħidma tajba li diġà wettqu l-predeċessuri tagħna. Prijorità importanti hija li nindirizza l-isfidi kontinwi marbuta mal-binja tal-RMYC Sailing School, kwistjoni li ilha tislet ħafna mir-riżorsi u l-enerġija tagħna f’dawn l-aħħar snin. Is-soluzzjoni ta’ din il-problema hija kruċjali biex nassiguraw il-futur tal-programmi tas-sailing tagħna u nkomplu nsaħħu l-impenn tal-Klabb lejn l-iżvilupp tal-isport.

X’hemm ippjanat minn dan il-Klabb għall-kumplament ta’ din is-sena kalendarja?

Il-Kalendarju tal-ibburdjar tal-RMYC ġie mfassal biex jakkomoda l-interessi varjati tal-membri tagħna – kemm jekk jippreferu tlielaq kostali u/jew offshore, kif ukoll għal dawk li għandhom għal qalbhom il-cruising. Matul is-sena jsiru diversi avvenimenti. Naturalment, ir-Rolex Middle Sea Race, hija it-tellieqa ewlenija tagħna. Din il-ġimgħa neddejna uffiċjalment l-edizzjoni tal-2025, li se tkun avveniment ieħor prestiġjuż fil-kalendarju tagħna.

28-31 ta’ Marzu. Marzu – International Yacht Paint Gozo Regatta; 12 ta’ April – Tellieqa madwar Malta u Għawdex – Fully Crewed Figure of 8; Mill-1 sal-4 ta’ Mejju – Paymix Ragusa Regatta; 6-8. Ġunju –Marzamemi Regatta; 11 – 13 ta’ Lulju – Malta – Syracuse Regatta; 12 – 14 ta’ Settembru – Tiġrija sa Licata u lura.; 19 – 21. Settembru – RMYC Dinghy Ranking Regatta; 15 ta’ Ottubru – Yachting Malta Coastal Race; 18 ta’ Ottubru – Rolex Middle Sea Race; 7 – 9 ta’ Novembru – BOV Ir-Regatta ta’ Għawdex; 22 ta’ Novembru – Zhik Double Handed- Tellieqa madwar Malta u Għawdex; 13 ta’ Diċembru Tiġrija Round Malta Raceu 26 ta’ Diċembru – Boxing Day Fun Race ( B’risq il-Malta Community Chest Fund).

Kif tiddeskrivi x-xena tal-Ibburdjar f’pajjiżna fil-preżent?

Ix-xena tal-ibburdjar f’Malta hija waħda attiva, diversa, u għandha għeruq profondi fl-istorja marittima tal-gżira. Bil-pożizzjoni ċentrali tagħha fil-Mediterran, il-portijiet naturali eċċellenti, u staġun tal-ibburdjar li tista tghid jdum is-sena kollha, Malta saret ċentru importanti kemm għall-ibburdjar kompetittiv kif ukoll għal dak ta’ divertiment.

 Ir-Royal Malta Yacht Club permezz tal-iskola tal-ibburdjar tagħha, qedin ntellghu generazzjoni gdida ta’ baħħara u f’Malta qed naraw żieda fl-interess fost iż-żgħażagħ li qed jitħarrġu fl-ibburdjar u li qed iġibu riżultati internazzjonali eċċellenti. Atleti ta’ talent bħall-Katrina Micallef, Lara Merten, u l-aħwa  Schultheis, Antonia u Victoria, diġà kisbu riżultati prestiġjużi fuq livell internazzjonali u qed juru li għandhom futur promettenti f’dan l-isport.

Din il-mewġa ġdida ta’ talent żagħżugħ turi l-impenn ta’ Malta biex tiżviluppa ġenerazzjoni ġdida ta’ sewwieqa kompetittivi, u biex tassigura li s-sailing jibqa’ jiffjorixxi kemm fuq livell lokali kif ukoll internazzjonali.

L-isforzi biex nrawmu atleti ta’ kwalita ghandhom jkunu xi ħaga il ma tieqafx, imma agenda permanenti fl-inizjattivi tagħna.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jipprattika l-isport tal-Ibburdjar.

Bħal kull sport ieħor, l-ibburdjar jeħtieġ impenn u bilanċ bejn it-taħriġ, studju u xogħol. Meta dawn jiġu mqassmai b’mod tajjeb, dawn l-aspetti jistgħu jikkumplimentaw lil xulxin b’mod mill-isbaħ.

Għal studenti li jixtiequ jibdew jippratikaw l-ibburdjar, il-vaganzi tas-sajf huma l-opportunità perfetta biex jagħmlu l-ewwel passi tagħhom f’dan l-isport. Għal dawk li huma akbar fl-età u jixtiequ jinvolvu ruħhom, il-klabb tagħna joffri ambjent sabiħ u ta’ sapport, fejn jistgħu jingħaqdu bħala ekwipaġġ waqt it-tiġrijiet lokali.

Dak li jagħmel il-komunità tagħna tassew speċjali huwa l-inklużjoni tagħha. Filwaqt li nagħmlu ħilitna biex niżviluppaw atleti ta’ ċertu talent u ngħinuhom jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom, nemmnu wkoll li l-ibburdjar huwa sport għal kulħadd. Kemm jekk għandek aspirazzjonijiet kompetittivi jew sempliċement trid tgawdi l-baħar, hemm dejjem post għalik fil-komunità tagħna, komunità ħajja u passjonata li tilqa’ lil kulħadd b’idejha miftuħa.

Iktar informazzjoni jinstab fuq is-sit elettroniku tal-Club – www.rmyc.org.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport