Kien eżatt bħal-lum, il-31 ta’ Awwissu, meta 27 sena ilu d-dinja qamet maħsuda bil-mewt tal-Prinċipessa Diana; Prinċipessa li kien irnexxielha tiġbed is-simpatija tal-miljuni.
Hi kienet mietet fl-età ta’ 36 sena wara li l-karozza li kienet fiha kienet involuta f’inċident tat-traffiku fiċ-ċentru ta’ Pariġi. Magħha kienu mietu Dodi Fayed, li jingħad li dak iż-żmien kien is-sieħeb ta’ Diana, u anke x-xufier Henri Paul.
Minkejja li għaddew dawn is-snin kollha, l-ispekulazzjonijiet dwar kif seħħ l-inċident baqgħu għaddejjin. Madwar għaxar snin wara mewtha, Imħallef li mexxa l-inkjesta kkonkluda li l-ħtija tal-mewt tagħha hija tax-xufier li kien qed isuq b’mod traskurat. Ħtija wkoll intefgħet fuq il-paparazzi li kienu qegħdin isegwu lil Diana.
Il-Prinċipessa Diana kienet l-ewwel mara tar-Re Karlu III u flimkien kellhom lil Prinċep William u lil Prinċep Harry. Hija kienet wild ta’ familja nobbli mir-Renju Unit u trabbiet qrib sew il-Familja Rjali hekk kif kienet tgħix f’Sandringham.
Tibqa’ magħrufa għall-ħafna karità li wettqet, b’mod speċjali f’pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw. Kellha mħabba speċjali lejn it-tfal u l-anzjani fejn anke tard f’ħajjitha kienet involuta sew fil-kampanja internazzjonali dwar l-AIDS.
Sal-lum, id-dinja għadha tħobb lil Prinċipessa Diana u ħafna drabi kull fejn jidher ir-Re Karlu III, il-pubbliku jiftakar li xi darba kien miżżewweġ lil mara li ġibdet is-simpatija tad-dinja.