Saturday, October 26, 2024

Bħal-lum 30 sena d-Danimarka rebħu l-Euro 1992

Aqra wkoll

Il-finali tal-Euro 1992 kienet il- partita finali tad-disa’ Kampjonat Ewropew, l-aqwa kompetizzjoni tal-UEFA għat-timijiet nazzjonali. Il-logħba ntlagħbet fl-Ullevi Stadium ta’ Gothenburg, l-Isvezja, bħal-lum 30 sena bil-ġurnata, 26 ta’ Ġunju, 1992, bil-finalisti jkunu d-Danimarka u l-Ġermanja.

Id-Danimarka kkwalifikaw għall-finali 10 ijiem biss qabel ma beda t-tournament wara li l-Jugoslavja ġew imkeċċija mill-UEFA wara li ġew impoġġija taħt sanzjonijiet fit-30 ta’ Mejju, 1992, mir-Riżoluzzjomi 757 tal-Kunsill tas-Sigurtá tan-Nazzjonijiet Magħ­quda wara l-tifqigħa tal-Gwerer tal-Jugoslavja.

B’riżultat ta’ dan il-FIFA u l- UEFA ssospendew lill-Jugoslavja mill-football kompetittiv fil-31 ta’ Mejju li kien ifisser li ma setgħux jieħdu sehem fit-tournament finali bħala riżultat tat-tifrik tal-pajjiż.

Għaldaqstant, minflokhom daħlu d-Danimarka li spiċċaw it-tieni fil-grupp punt wara l-Jugoslavja. U min hawn ‘il quddiem inkitbet l-istorja li ħalliet lil kulħadd, inklu­żi lid-Daniżi nnifishom, li ma riedux jemmnu l-episodji li ġraw u li kel­lhom il-qofol tagħhom fis-26 ta’ Ġun­ju.

Huma ffaċċjaw lill-Ingilterra, l-Isvezja u Franza fi Grupp 1, fil-fażi tal-gruppi qabel rebħu bil-pe­nalties kontra l-Olanda fis-semi-finali biex għaddew għall-ewwel finali tagħhom ta’ din il-kompetizzjoni prestiġġjuża Ewropea.

Il-Ġermanja tpoġġew fi Grupp 2 fejn lagħbu mal-Commonwealth of Independent States (CIS), l-Iskozja u l-Olanda, qabel għelbu lill-Isvezja fis-semi-finali.

Il-finali saret quddiem 37,800 spettatur u ġiet ikkontrollata minn Bruno Galler tal-Isvizzera. Il-Ġermanja kellhom bidu b’saħ­ħtu bil-goalkeeper Daniż, Peter Schmeichel, isalva kemm fuq Stefan Reuter kif ukoll fuq Guido Buchwald.

Iżda fit-18-il minuta, Flemming Poulsen qassam lejn John Jensen fit-tarf tal-kaxxa tal-Ġermanja u xeħet wara l-goalkeeper tal-Ġermaniż, Bodo Illgner, biex tefa’ lid-Danimarka fil-vantaġġ. 

Peter Schmeichel imbagħad għa­mel diversi saves oħra biex sal- mistrieħ ipproteġa l-vantaġġ tat-team tiegħu.

Meta kien fadal 12-il minuta, clearance ta’ Thomas Helmer rat lil John Sivebeck ikompli bir-ras lejn Kim Vilfort li b’xutt bix-xellug sammar il-ballun fir-rokna tax-xib­ka minkejja t-titjira ta’ Illgner biex għamel l-iskor 2-0.

Hekk intemm l-iskor finali u d-Danimarka kisbu l-ewwel Kampjonat Ewropew tagħhom. Ir-rebħa tagħhom fit-tournament hija meqjusa bħala waħda mill-aktar xokkanti fil-football internazzjonali.

Dak li seħħ fis-sena 1992 ma kienx għadu seħħ qabel fl-istorja ta’ kompetizzjoni maġġura tal-football fl-Ewropa kif ukoll fid-dinja.

KIF WASLU SAL-FINALI 

Fil-fażi finali, iż-żewġ timijiet kellhom triq identika meta fil-gruppi rispettivi kisbu rebħa, draw u telfa, waqt li t-tnejn spiċċaw it-tieni, iżda rnexxielhom jaslu sal-finali.

Id-Danimarka ġew draw 0-0 kontra l-Ingilterra, tilfu 1-0 mal-Isvezja iżda għelbu lil Franza 2-1 b’goals minn Henrik Larsen (8) u Lars Elstrup (78).

Min-naħa tal-Ġermaniżi huma bdew bi draw ta’ 1-1 kontra ċ-CIS fejn kienu dawn li marru fl-vantaġġ minn Igor Dobrovolski (15) u kellu jkun goal mal-ħin minn Helmut Haller (90) li kiseb id-draw u aċċerta li t-team ta’ Berti Vogts jkompli fi triqtu lejn il-finali.

Imbagħad huma għelbu lill- Iskozja 2-0 b’goal f’kull taqsima minn Karl-Heinz Riedl (29) u Stef­fan Effenberg (47) iżda l-aħħar logħba tilfuha 3-1 kontra l-Olanda fejn għal dawn skorjaw Frank Rijkaard (15), Rob Witschge (72) u Dennis Bergkamp (72) bil-goal tal-Ġermaniżi jiskorjah Jurgen Klinsmann (53).

L-Olanda, mgħammra bi players bħal Ronald Koeman, Ruud Gullit, Marco van Basten, Rijkaard u Bergkamp fost oħrajn, kienu mistennija li jkunu huma li jgħaddu għall-finali. Iżda mhux hekk kellu jkun. 

Intant fis-semi-finali d-Daniżi ffaċċjaw lill-Olanda f’logħba li ntemmet 2-2 anke wara li ngħata l-ħin barrani biex kollox ġie deċiż bil-lotterija tal-penalties.

L-erba’ goals, bid-Danumarka qatt ma kienu minn taħt, ġew skor­jati għalihom minn Larssen (5, 33) u Bergkamp (23) u Rijkaard (86) wieġbu għat-Tulipani.

Bil-logħba tintemm f’paritá ingħataw il-penalties, li disa’ minn­hom ġew skorjati minn Larsen, Poulsen, Elstrup, Vilfort u Chris­tophe għad-Daniżi waqt li Koeman, Bergkamp, Rijkard u Witschge sabu x-xibka għall-Oranġjo.

L-unika wieħed li ma skorjax ma kien ħadd għajr Marco van Basten meta ta t-tielet wieħed tat-team tiegħu.

Kif lagħbu ż-żewġ timijiet:

Danimarka: Peter Schmeichel, Lars Olsen (captain), Torban Piechnik, Kent Nielsen, John Sivebeck (Claus Christian 66), Kim Chris­tophe, John Jensen, Kim Vilfort, Henrik Larsen, Brian Laudrup, Flemming Povlsen – Coach: Richard Moller Nielsen.

Ġermanja: Bodo Illgber, Guido Buchwald, Jurgen Kohler, Tho­mas Helmer, Stefan Reuter, Andreas Brehme (captain), Matthias Sammer (Thomas Doll 46), Stefan Effenberg (Andreas Thom 80), Thomas Hassler, Karl-Heinz Riedle, Jurgen Klinsmann – Coach: Berti Vogts.

Referee: Bruno Galler (Svizzera)

Sport