Wednesday, October 9, 2024

Bħal-lum 70 sena twieled il-mibki Tony Zarb

Nirayl Grech
Nirayl Grech
Ġurnalista

Aqra wkoll

Bħal-lum 70 sena ilu, twieled il-mibki iżda qatt minsi Tony Zarb, bniedem li kien maħbub minn kulħadd u li l-eżempju tiegħu naqqax post f’kull persuna li fittxewh għall-għajnuna. Zarb kien deskritt minn bosta bħala suldat tal-azzar u persuna li jħobb lil Malta, il-GWU, il-Partit Laburista, iżda fuq kollox lil ħaddiem.

Tul ħajtu ħadem qatigħ sabiex jiddefendi d-drittijiet tal-ħaddiem. Kien jagħmel minn kollox biex jara li l-ħaddiem ikollu kwalità tal-ħajja aħjar u li dan jngħata l-ġieħ u l-aprezzament li jistħoqqlu għal dak li jagħmel biex jaqla’ l-ħobża ta’ kuljum. Dan kollu kien jagħmlu mingħajr aġendi personali,  irrispettivament jekk jaqbilx mal-gvern ta’ dak iż-żmien. 

Huwa ħalla din id-dinja fid-29 ta’ Mejju tal-2022, fl-età ta’ 68 sena. L-aħbar tal-mewt tiegħu, qajmet reazzjoni fil-pajjiż. Dan juri kemm Tony Zarb kien maħbub ma’ kulħadd. Bil-mewt ta’ Zarb, Malta tilfet ġgant tas-soċjetà u pilastru importanti, speċjalment fl-istorja tat-trejdunjoniżmu lokali. Għadd ta’ persuni kienu taw l-aħħar tislima lil Zarb kif xieraq.

Zarb kellu aktar minn 42 sena ta’ esperjenza fil-qasam trejdunjonistiku. Huwa ħadem f’diversi karigi differenti ġewwa l-GWU minn membru tal-kumitat għal Shop Steward għall-ħaddiema tal-Blue Bell. Tony kien delegat kif ukoll membru tal-eżekuttiv fit-Taqsima tat-Tessuti. Għal dawn l-aħħar 38 sena Zarb kien ukoll membru fil-Kunsill Nazzjonali.

Fl-1985 ġie impjegat full time mal-Union bħala rappreżentant u sentejn wara ġie maħtur Segretarju tat-Taqsima Port u Transport. Fl-1997 ġie elett Deputat Segretarju Ġenerali. Sentejn biss wara ġie appuntant Segretarju Ġenerali fejn okkupa din il-pożizzjoni għal 16-il sena. Intant imbagħad Tony Zarb serva wkoll bħala s-Segretarju tal-GWU – Għaqda Pensjonanti

Sport