Kien proprju bħal lum, sittin sena ilu, meta Martin Luther King beda l-mixja storika għad-drittijiet tas-suwed. Kienu żminijiet iebda għas-suwed fl-Istati Uniti. Martin Luther kien spiċċa ħallas b’ħajtu għall-ġlieda li hu kien qed iwettaq.
L-ORIZZONT kien irrapporta bi prominenza din il-mixja storika għad-drittijiet tas-suwed. Dakinhar kien ġie rrappurtat li “eluf ta’ suwed u bojod mgħassa b’jeeps mimlijin suldati inġabru biex jagħtu bidu għall-ewwel parti tal-mixja storika għall-ħelsien ta’ Montgomery. Martin Luther King, li qiegħed imexxi l-ġlieda għad-drittijiet tas-suwed fl-Istati Uniti, qal lill-folla miġbura li “aħna rridu li d-dinja tkun taf li aħna qegħdin nippreżentaw il-persuna tagħna bħala verità ħajja ta’ dak li aħna nemmnu li huwa dritt”.
“King illejla beda jmexxi l-4,0000 dimostranti barra minn din il-belt għal Montgomery, 50 mil bogħod. Momentarjament, il-mixja ittardjat b’madwar tliet sigħat. L-eluf ta’ dimostranti, b’sodod marbutin wara daharhom u posters kbar f’idejkom kellhom jimxu ħdax-il mil fl-ewwel ġurnata. Iżda ġie irrappurtat li l-ewwel parti tal-mixja se tkun madwar seba’ mili u nofs. Ħafna kienu jistennija li jagħmlu diskors fl-ewwel jum tal-misja ta’ ħamest ijiem lejn il-kapitali, li fit-tmiem tagħha l-mexxejja suwed se jippruvaw jippreżentaw l-ilmenti tagħhom dwar ir-reġistrazzjoni tal-vot tagħhom lill-gvernatur George Wallace.
Martin Luther King Jr. kien pastor Amerikan, mexxej Afro-Amerikan fil-moviment għad-drittijiet ċivili, u l-iktar vuċi importanti għall-Afro-Amerikani (is-suwed) tal-Istati Uniti tal-Amerika. King kien mexxej kariżmatiku u Nisrani konvint, li jiġbed il-folol warajh bil-kelma mqanqla tiegħu. L-isforzi tiegħu għenu biex jitfassal is-“Civil Rights Acts” fl-1964 u l-“Voting Rights Act” sena wara. Fl-1964 ġie unurat bil-Premju Nobel għall-Paċi.
King, beda jara u jesperenza l-inġustizzja sa minn meta kien żgħir. Kien għadu lanqas daħal fis-sistema edukattiva, meta flimkien ma’ oħtu kien jilgħab ma’ żewġ iħbieb tagħhom bojod. Meta kienu waslu biex imorru l-iskola, il-ġirien bojod tiegħu mark fi skola tal-bojod, u Martin u oħtu kellhom imorru fi skola għas-suwed. Li ġara minn dakinhar ‘lquddiem kien li omm it-tfal bojod ma ħallithom jilagħbu aktar magħhom.
Kien iż-żmien u li dwaru saru anke protesti pubbliċi, meta is-suwed kien ikollhom iċedu posthom fuq il-karozza tal-linja. Is-suwed kienu jiġu mċaħħdin minn impjiegi mħallsin tajjeb, edukazzjoni li tixraqilhom u anke akkomodazzjoni. Ma kinux jitħallew jidħlu f’ġonna pubbliċi, lukandi u anki ristoranti.
F’wieħed mill-ewwel diskorsi kien iddikjara li “aħna lkoll, bojod u suwed, aħna aħwa. La l-kulur tal-ġilda tiegħek, lanqas ir-reliġjon tiegħek m’huma qatt ħa jkissru din il-fraternità. Għax is-suwed għandhom ġilda skura, m’għandhomx jiġu mċaħħdin mid-drittijiet fundamentali tagħhom, l-aspirazzjonijiet ġusti tagħhom, l-opportunitajiet. Dan la jagħmel ġieħ lil nazzjon kbir bħal tagħna u lanqas lil fidi Nisranija tal-Amerikani.”
Fil-21 ta’ Marzu, 1965, dimostranti tad-drittijiet ċivili mmexxija minn Martin Luther King Jr. bdew it-tielet marċ b’suċċess tagħhom minn Selma għal Montgomery, Alabama. Huma kienu qegħdin jipprotestaw għad-dritt tal-vot. Fil-21 ta’ Marzu, 1965, beda t-tielet marċ, b’Dr King u 8,000 persuna jitilqu mill-Knisja Brown Chapel AME u baqgħu sejrin lejn Montgomery. Sal-25 ta’ Marzu, 25,000 ruħ imxew lejn it-taraġ tal-Bini tal-Capitol tal-Istat tal-Alabama, fejn Dr King għamel id-diskors famuż tiegħu, “How Long, Not Long.”
Fl-4 t’April 1968, meta kien qiegħed Memphis, f’Tennessee, fejn kien mar biex jappoġġja lill-kenniesa li kienu qed jistrajkjaw, King inqatel wara li sparawlu.