“Bħal-lum ġimgħa, sebat ijiem oħra, nibdew it-triq lura lejn in-normalità… L-għada tal-Milied se jasal il-vaċċin f’pajjiżna u l-għada fis-27 ta’ Diċembru nibdew inlaqqmu lin-nies.”
Kien b’dan it-ton ottimist għall-ġejjieni, li l-Prim Ministru Robert Abela beda l-indirizz tiegħu f’attività politika fl-Innovation Hub fix-Xewkija Għawdex il-Ħadd filgħodu, fejn innota kif f’pajjiżi oħra s-sitwazzjoni hija differenti fost l-oħrajn fl-Italja fejn ma jistgħux ilaħħqu mad-dfin tal-katavri u fil-Ġermanja kellhom jagħlqu l-iskejjel.
“Kburi ħafna bil-mod kif mexxejna, kburi li llum meta qed inħarsu lejn il bidu tat-tmiem tal-pandemija żammejna lill-pajjiż protett minn kull angolu. Is-saħħa, l-ekonomija, in-negozji, il-pagi tan-nies, l-impjiegi, il-kwalità tal-ħajja li setgħet tibqa’ għaddejja, is-saħħa mentali. Meta l-ġimgħa d-dieħla, kull pajjiż Ewropew se jibda t-triq lura lejn in-normalità, għad irridu nisimgħu bil-konsegwenzi tal-pandemija, imma f’pajjiżna rnexxielna nilqgħu għal dan kollu.”
Il-Prim Ministru fakkar li kien hemm ħafna li mbuttawh fid-direzzjoni li jsakkar lin-nies ġewwa, imma kburi li dan ma seħħx u li ksibna fost l-aqwa riżultati fl-Ewropa.
“F’Diċembru biss ħa nkunu qassamna erbgħin miljun ewro lin-negozji u lill-ħaddiema f’pajjiżna, f’Wage Supplements u refund tal-kontijiet tal-elettriku. B’hekk żammejna l-impjiegi b’saħħithom f’pajjiżna u naqqasna l-qgħad. Rajna negozji jfallu madwar l-Ewropa u aħna, in-negozji aktar jinvestu għax ma qgħadniex nistennew u naraw x’ħa jiġri imma konna proattivi u nvestejna fin-nies u fin-negozji. Id-deċiżjonijiet li ħadna f’Marzu, April u l-aktar f’Ġunju, mhux talli qed iħallu l-frott imma qed iħallu pajjiż li se jibda t-triq tal-irkupru fl-aqwa qagħda possibbli. Ara x’vantaġġ għandna frott l-għażliet u d-deċiżjonijiet li ħadna.”
Il-Prim Ministru nnota li s-sena l-ġdida se tibda bit-tqassim ta’ ħamsin miljun ewro f’vouchers lin-nies.
Minkejja dan, l-Oppożizzjoni xorta vvutat kontra l-akbar budget ta’ pajjiżna, li xorta għadda mill-Parlament u l-Gvern wieġeb għan-negattività tal-Oppożizzjoni, b’pożittività.
Qal li mhu se jħalli lil ħadd ikisser il-Qrati ta’ pajjiżna.
“Ilqajna b’sodisfazzjon l-opinjoni tal-Avukat Ġenerali tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja. Tajjeb li wieħed ma jnessix xi ppruvat tagħmel l-Oppożizzjoni. Kellna l-kritika, u l-Kummissjoni Venezja għamlet rakkomandazzjoni biex nibdlu l-mod ta’ kif jinħatru l-ġudikanti f’pajjiżna. Aħna lqajna dik ir-rakkomandazzjoni u bdejna proċess biex nagħmlu riforma aktar robusta. X’għamlet l-Oppożizzjoni? Minflok ferħet magħna għax għamilna proċess li hi stess qablet miegħu, baqgħet għaddejja b’kawża fejn qed tattakka s-sistema l-antika li daħlu huma stess u li writtna fl-2013 li tant kienu jiftaħru biha fi żmienhom fil-Gvern. Attakkaw dik is-sistema u baqgħu jattakkaw il-Qrati tagħna. Kieku rnexxew, u għadhom fiċ-ċans li jirnexxu, ifisser li l-Qrati tagħna jieqfu milli jaħdmu għax għandek ħafna Mħallfin li nħatru bis-sistema l-antika. Ftehemna fuq sistema ġdida, wasalna għal sistema ġdida, u baqgħu jinsistu li ma jwaqqgħux il-kawża. Eżempju ċar ta’ min irid jagħmel il-ħsara lill-pajjiż.”
Robert Abela qal li l-aktar ħaġa li għamlitu kburi din is-sena hija s-serjetà fit-tmexxija, li tagħti l-kredibilità lill-Gvern biex ikompli jmexxi.
Innota b’dispjaċir kif hemm min qed jipprova jattakka l-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, f’każ li ddeskriva bħala ferita fuq il-pajjiż kollu.
“Appellajt għall-ispeditezza, li tfisser mhux għaġġla imma li ma jkunx hemm tkaxkir tas-saqajn. Nitlob li dan isir għax irrid li l-bord jasal għall-konklużjonijiet tiegħu biex imbagħad il-Gvern ikun jista’ jevalwahom. Għaliex għandha ddejjaqni l-inkjesta? Jekk hemm xi ħadd li ma ssemma qatt fl-inkjesta huwa jien, u l-fatt li l-inkjesta titkellem dwar x’ġara fl-2017 u ma ssemmini qatt huwa ċertifikat fih innifsu. Mhux talli ma ddejjaqnix din l-inkjesta, talli jkun xi jkun l-eżitu tar-rapport żgur se jkun ċertifikat ta’ kemm inbidlu għat-tajjeb l-affarijiet f’din l-aħħar sena.”
Il-Prim Ministru qal li hu jħares lejn l-affarijiet b’mod ħolistiku u appella biex dak li tgħallimna mill-pandemija ma ninsewhx.
“Is-27 ta’ Diċembru jrid ikun proċess li bih niġu lura għan-normalità imma l-lezzjonijiet li ħadna mill-pandemija bħas-solidarjetà, inżommuhom u ma mmorrux lura għal dak li kien agħar qabel il-pandemija. Importanti li nibqgħu nirrispettaw id-direzzjonijiet tal-awtoritajiet tas-saħħa għax ikun żball kbir jekk ngħidu li issa li għandna t-tilqima, kulħadd jagħmel li jrid.”
Robert Abela qal li dan il-Gvern wera kemm hu kapaċi jmexxi f’mumenti ta’ kriżi u qed iħares ’il quddiem lejn ix-xhur ta’ Marzu u Mejju tas-sena d-dieħla.
“Is-sena 2021 se tkun sena mill-aqwa għal pajjiżna. Irrid irkupru ekonomiku b’saħħtu, li r-reputazzjoni ta’ pajjiżna barra minn xtutna tkompli tissaħħaħ. Irrid staġun ta’ turiżmu mill-aqwa. Dan kollu rridu nagħmluh flimkien bħalma ħdimna fl-aħħar xhur, m’hemmx kuluri. Ma rridx nisma’ b’diviżjonijiet politiċi. L-opinjonijiet politiċi nħalluhom għal meta tiġi l-elezzjoni. Ma rridx firda f’dal-pajjiż, u x-xhur li ġejjin se jkunu kruċjali biex nimxu ’l quddiem sakemm naslu għal Marzu u Mejju u ngħidu li x-xhur li għaddejna minnhom kienu passat, ħadna t-tajjeb minnhom, u nħarsu ’l quddiem lejn pajjiż, Maltin u Għawdxin b’saħħitna ’l quddiem.”
Intant, il-Mexxej Laburista rringrazzja lil kull min bħal-lum ġimgħa ta d-donazzjoni tiegħu lill-Partit Laburista waqt il-maratona ġbir ta’ fondi, fejn inġabret is-somma rekord ta’ €737,690.