Monday, January 26, 2026

“Bħala Avukat għandu jkun ta’ eżempju”… tonqos għal €100 il-multa li weħel Jason Azzopardi talli ġibed filmat fil-Qorti

Aqra wkoll

“Bħala Avukat, l-appellant (Dr Jason Azzopardi) għandu jkun ta’ eżempju u mhux jagħti lok għal dan it-tip ta’ inċidenti pwerili u bla bżonn.” Iddikjarat dan il-Qorti tal-Appell f’sentenza li tat it-Tnejn fejn ġew miċħuda l-aggravji fl-appell imressaq minn Dr Azzopardi li kien instab ħati talli ġibed filmat f’kuritur tal-Qorti iżda l-multa li kellu jeħel tnaqqsitlu minn €1,000 għal €100. 

Il-Qorti tal-Appell, preseduta mill-Imħallfin Giannino Caruana Demajo, Anthony Ellul u Mark Simiana, qalet li ma kellha l-ebda dubju li l-filmat kien ittieħed mill-appellant, meta jidher maġenb il-mejda fejn hemm il-Prim Ministru. “Il-filmat ittieħed minn persuna li kienet miexja fil-kuritur, u mir-recording hu ċar li dik il-persuna mhi ħadd għajr l-appellant,” qalet il-Qorti. 

Żied jingħad li fil-filmat li xxandar min-NET, madwar il-mejda jidhru l-istess nies li jidhru fir-recording tal-kamera tas-sigurtà fil-ħin li għadda l-appellant minn maġenb il-mejda. 

Il-Qorti tal-Appell kompliet tgħid li r-regola hi għaż-żamma tal-bon ordni fil-Qrati tal-Ġustizzja u hi ċara. “Regola li għandha tiġi osservata minn kulħadd. Aġir li fih innifsu wassal biex l-appellant naqas milli jġib ruħu b’mod xieraq fil-bini tal-Qrati tal-Ġustizzja.”

Il-Qorti osservat ukoll li hu minnu li l-filmat hu qasir u fih jidhru l-Prim Ministru u l-Ministru tal-Ġustizzja li huma persuni pubbliċi. Madankollu, dak il-fatt ma jagħtix jedd li xi ħadd, hu min hu, jiġbed ritratt jew jieħu filmat tagħhom. Ir-regolament hu ċar. 

Osservat li filmat ta’ sitt sekondi xxandar fuq stazzjon tat-televiżjoni waqt l-aħbarijiet, irrispettivament minn min seta’ ta r-recording lil dan l-istazzjon. Filmat li fil-fehma tal-Qorti mhu ta l-ebda news value. 

Wara li l-Qorti qieset iċ-ċirkostanzi kollha tal-każ, ma kinitx tal-fehma li l-ksur li wettaq l-appellant kellu jwassal għall-kważi l-massimu tal-multa li tikkontempla l-liġi. Min-naħa l-oħra, il-Qorti ħadet konsiderazzjoni li l-ksur seħħ minn avukat li hu uffiċjal tal-Qorti. 

Kien għalhekk li ċaħdet it-tliet aggravji mressqa fl-appell iżda laqgħet l-aggravju sa fejn kompatibbli ma’ dak li ngħad aktar qabel u kkundannat lil Jason Azzopardi għal multa ta’ €100. Għall-kumplament, il-Qorti kkonfermat is-sentenza appellata, bl-ispejjeż tal-appell jagħmel tajjeb għalihom l-appellant. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport