Friday, December 5, 2025

‘Bħala captain, inħoss sodisfazzjon enormi li nara kemm it-tim kollu qed jikber u jissodisfa l-aspettattivi’ – John Borg

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Buġibba Boċċi Club għamlu storja nhar l-Erbgħa 19 ta’ Novembru 2025 meta rebħu l-aktar tazza prestiġjuża f’dan l-isport bit-Trofew tal-Anġlu fuq bażi ta’ KO 3×3. Il-finali saret fil-pitch ta’ Qormi San Bastjan quddiem folla numeruża ta’ spettaturi, u fiha Buġibba għelbu b’mod ċar lil St. Peters Żabbar b’riżultat ta’ 21-8, xogħol li juri kemm it-tim tagħhom kien b’saħħtu u determinat li jwettaq l-objettivi tiegħu.

Din ir-rebħa ma kienet biss logħba waħda iżda rriflettiet staġun straordinarju għal Buġibba Boċċi Club. Minn meta daħlu għall-ewwel darba fil-Kotba tal-Federazzjoni Klabbs tal-Boċċi fis-sena 2004 taħt l-isem tal-ewwel tim tagħhom, Salad Bowl, għaddew 21 sena sħaħ sakemm reġgħu ġabu dan it-trofew prestiġjuż id-dar, din id-darba bl-isem tat-tim Friends għas-sena 2025.

Il-finali kienet waħda spettakolari mill-bidu sa tmiemha. It-tim ta’ Buġibba, magħmul minn John Borg, Jurgen Zammit u Adrian Bonanno, wera koordinazzjoni perfetta u teknika mħaddma b’kuraġġ. Il-logħba kienet intensiva u kull punt ġie milħuq b’determinazzjoni, fejn Buġibba kkontrollaw il-partita minn kmieni, u ħolqu vantaġġ li ma ħalliex lil Żabbar jerġa’ jirkupra minkejja li dawn tal-aħħar marru 6-0 minn fuq fil-bidu.

F’dan l-istaġun, Buġibba Boċċi Club mhux biss rebħu din il-kompetizzjoni prestigjuża, iżda kellhom ukoll prestazzjoni eċċellenti fil-kampjonat nazzjonali. Spiċċaw fis-semi-finali tal-playoffs tal-kampjonat nazzjonali tal-boċċi, li juri kemm it-tim għandu konsistenza u potenzjal fuq livell għoli. Plejer li wera ħiliet eċċezzjonali kien iż-żagħżugħ Jurgen Zammit, li għall-ewwel darba rebaħ unur prestiġjuż f’din il-kompetizzjoni li kull plejer jixtieq jirbaħ.

Biex nifhmu aktar dwar dan is-suċċess storiku, tkellimna ma’ John Borg, captain ta’ Buġibba Boċċi Club, li qasam magħna r-reazzjonijiet tiegħu wara r-rebħa u fisser kif l-ispirtu pożittiv tat-tim kollu fl-aħħar mill-aħħar għamel id-differenza kollha.

“Ma kontx qed nistenna li nagħlqu din il-logħba daqshekk kmieni,” beda biex qalilna Borg. “Kienet logħba kbira min-naħa ta’ kulħadd u sa fl-aħħar wasal dak li ridna. Kien hemm ftit diffikultajiet matul l-istaġun, imma l-isforz kollu ħallas. Fil-kampjonat nazzjonali ġejna t-tielet, u t-tim wera kemm hu solidu. Għalija, bħala captain, dan hu ta’ sodisfazzjon kbir.”

Borg tenna l-importanza ta’ kull plejer fit-tim, billi semma lill-fendatur il-ġdid, Jurgen Zammit, li kien wieħed mill-aktar influwenti fil-logħba. “It-tifel għamel logħba tajba ħafna u wera li għandu futur kbir quddiemu,” spjega Borg. “Il-kooperazzjoni bejn l-plejers u l-isforz li qatt ma jitilfu jagħmlu d-differenza. Kull wieħed qed jagħti kollox għall-klabb u dan jidher fil-prestazzjoni tagħna.”

Il-captain ta’ Buġibba rrikonoxxa wkoll ir-rwol importanti tal-federazzjoni. “Ix-xogħol mal-Federazzjoni tal-Klabbs tal-Boċċi dejjem kien essenzjali. Hemm sodisfazzjon meta tara kif il-prattika, ir-regolamenti u l-appoġġ tagħhom jgħinu biex il-logħba titmexxa b’mod professjonali. Fil-klabb tagħna, jirrispettaw u jieħdu ħsieb lil kulħadd mill-president sas-segretarju u kull plejer li jkun fil-pitch.”

Meta ġie mistoqsi dwar il-valur personali ta’ din ir-rebħa, Borg ftit dam jaħsibha biex jagħti dedikazzjoni speċjali. “Niddedika dan l-unur lil missieri, li kien hu li ressaqni iktar lejn il-logħba tal-bocci. Hu dejjem emmen fija u kien ispirazzjoni għalija. Issa nista’ ngħid li ninsab kuntent li irnexxieli nġib dan it-trofew id-dar u nħalli l-marka tiegħi ma’ dan il-klabb li tant nħobb.”

L-atmosfera fil-pitch ta’ Ħal Qormi San Bastjan kienet mimlija emozzjoni u tifħir lejn it-tim ta’ Buġibba. L-ispettaturi, li kienu preżenti għall-finali, qamu jċapċpu għal kull spettaklu fil-logħba u l-passjoni li wrew il-plejers. Dan il-mument mhux biss jiċċelebra r-rebħa iżda jikkonferma r-rieda u l-ħila tat-tim kollu li jżomm l-isem ta’ Buġibba Boċċi Club fuq quddiem fix-xena tal-isport lokali.

Bħala finali, l-istaġun 2025 għadda b’suċċess kbir għall-Buġibba Boċċi Klabb. Wara dan ir-rebħa prestiġjuża fil-Knock Out 3×3 li damet biss siegħa u 17-il minuta, issa l-attenzjoni tħares lejn il-FKB Super Cup, fejn Buġibba se tilgħab kontra Għaxaq, ir-rebbieħa tal-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni. Din se tkun logħba oħra ta’ interess, fejn it-timijiet se jkunu qed jippremjaw l-isforzi ta’ sena sħaħ ta’ kompetizzjoni u preparazzjoni bl-għan li wkoll jiftħu l-istaġun bl-aktar mod pożittiv.

John Borg, bħala captain u figura ewlenija fil-klabb, kompla jgħid: “Bħala captain, inħoss sodisfazzjon enormi li nara kemm it-tim kollu qed jikber u jissodisfa l-aspettattivi. Il-klabb qed jiżviluppa mhux biss bħala kompetitur iżda wkoll bħala komunità fejn kull plejer jħossu apprezzat u motivat. Dan il-mument tat-trofew huwa ġest ta’ rikonoxximent għal kull wieħed li investa ħin, dedikazzjoni u passjoni fis-sena li għaddiet.”

Bħalissa, Buġibba Boċċi Club jista’ jħares lura b’kuntentizza lejn staġun 2025 ferm pożittiv, u b’ħerqa lejn l-isfidi u l-opportunitajiet li ġejjin matul is-sena 2025. Il-kumbinazzjoni ta’ esperjenza, żgħożija u koordinazzjoni tat-tim tagħmel minn Buġibba klabb punt ta’ referenza fil-boċċi Maltin, u l-istaġun ta’ rebħiet u mumenti memorabbli jżomm l-isimhom f’pożizzjoni prominenti fil-kotba tal-federazzjoni.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport