Monday, June 16, 2025

Bħala esperjenza mat-tim tal-kbar ta’ Kirkop United inħares lejha b’entużjażmu kbir u wkoll bħala ċans biex inrawwem mentalità ta’ tim – David Saliba

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

 

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Minn mindu kont żgħir kont immur dejjem il-grawnd ma’ missieri peressli dak iż-żmien

kien fil-kumitat ta’ Ħal Qormi. Minn hemmhekk nibtet l-imħabba tiegħi għal

ballun. Wara meta fetħet in-nursery tal football ta’ Qormi, inktibt hemmhekk u bdejt nilgħab mat-team ta pajjiżi. Barra li kont ma’ Qormi , konna inkunu grupp ta’ ħbieb u fejn naraw ballum dejjem nilagħbu.

Kif qed tħares lejn l-esperjenza ġdida tiegħek bħala kowċ ta’ Kirkop United FC?

Din hija l-ħames sena tiegħi ma’ Kirkop bħala kowċ. Ikkowċjajt U/15, U/17 u Minors. L- aħħar xahrejn offrewli t-tim tal-kbar biex inkun il-kowċ tagħhom u wara li żammejna postna fin-National Amateur League 1, il-kumitat reġgħu offrieli sena kuntratt biex immexxi it-tim tal-kbar.

Bħala esperjenza mat-tim tal-kbar inħares lejha b’entużjażmu kbir u wkoll bħala ċans biex:

  • Inrawwem mentalità ta’ tim – fejn kull plejer jifhem il-valur tiegħu u tal-oħrajn.
    • Inġib struttura fit-taħriġ u fl-istil ta’ logħob – bbażata fuq dixxiplina, passjoni u kuraġġ.
    • Inkabbar plejers mhux biss bħala atleti imma bħala nies – b’enfasi fuq il- konsistenza u r-rispett.

Irrid li nkunu tim li jilgħab b’karattru, b’identità, u li jagħti 100% kull logħba, tkun xi tkun ir-riżultat. Din mhix biss kariga – hija responsabbiltà lejn il-klabb, lejn il-plejers, u lejn il- partitarji. U fuq kollox, hija opportunità biex nikber jien ukoll flimkien mat-tim.

Konxju mill-fatt li għadu kmieni imma xtaqt nistaqsik x’inhuma t-tragwardi tagħkom għall-istaġun li ġej?

It-tragward tagħna għall-istaġun li ġej se jkun staġun interresanti . Hemm ħafna timijiet

Li qed isaħħu l-iskwadri tagħhom għall-promozzjoni. Jien bħala kowċ ta’ Kirkop, it-tragward tiegħi huwa dak li nżommu postna fin-National Amateur League 1 u iktar ma niġu ‘l fuq fil-klassifika għalina ikun importanti.

Barra minn hekk:

Qabel kollox, irridu nkunu tim magħqud – mhux grupp ta’ individwi. Irrid li l-plejers jifhmu x’inhu l-istil ta’ logħob tagħna, x’qegħdin inħarsu lejh, u x’inhu l-aspettattiva minn kull wieħed. Il-pre-season se jkun kruċjali biex naħdmu fuq il-kundizzjoni fiżika, id- dixxiplina tattika, u l-konsistenza mentali. Dawn huma l-pilastri biex inkunu kompetittivi tul l-istaġun kollu. Bħala coach, l-għan tiegħi hu wieħed sempliċi imma ambizzjuż: nibnu tim li jiġġieled sal-aħħar, li jilgħab bil-qalb, u li jkun magħqud f’kull sitwazzjoni. Ma nistenniex kollox perfett – imma nistenna impenn totali, attitudni

pożittiva, u rispett lejn il-logħba u lejn xulxin. Kull sessjoni tgħodd, kull logħba tgħodd – u aħna rridu nkunu tim li jħalli kollox fil-ground.

         Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?

Għalkemm fil-preżent il-futbol Malti tela’ tarġa, inħoss li l-plejers barrannin qed jieħdu post żgħażagħ Maltin, għax nemmen li hawn ħafna tfal Maltin jippromettu u jistgħu ikunu ta’ ġid għal football Malti.

U dak tal-grawnds fejn tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?

Hawn ħafna grounds tajbin ħafna, għamilna titjib. Nemmen li fadal ċerti grawnds li jridu jitranġaw. U hemm diversi dressing rooms li jistgħu jitranġaw u jkunu aħjar.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Inħares ‘il quddiem billi nkompli nagħmel il-korsijiet li joħorġu miċ-Ċentru Tekniku tal-MFA. Nosserva anke kowċis oħra u anke nagħmel analiżi kontinwa tal-logħba tiegħi . Il-futur tiegħi jiddependi fuq kemm inkun lest nimxi ’l quddiem b’umiltà u għatx għall- għarfien.

Din mhux sempliċement kariga għalija – hija vokazzjoni. Inħossni responsabbli li mhux biss nittrasmetti għarfien tattiku, imma li nkun figura ta’ gwida, ispirazzjoni u

konsistenza għal kull plejer li naħdem miegħu.

Mhux kollox ikun faċli, imma nemmen li b’konsistenza, passjoni u rispett lejn il-logħba, nista’ nkompli l- karriera li tħalli marka pożittiva fuq dawk kollha li niltaqa’ magħhom.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

L-ewwel u qabel kollox: kun lest taħdem aktar minn kulħadd. Il-football jagħtik ħafna, imma jrid ħafna wkoll – sagrifiċċju, dixxiplina u perseveranza. Ikollok mumenti fejn trid titgħallem tħabbat wiċċek mal-falliment, mal-kritika, u ma’ ġranet li ma jmorrux kif tixtieq. Imma dawk huma l-mumenti li jibnu l-karattru – mhux il-mumenti fejn tirbaħ.

tinsiex minn fejn bdejt: għal dik il-passjoni pura li ħadt il-ballun fl-ewwel darba, għal dik l-imħabba lejn il-logħba. Żommha ħajja, għax hija dik li timbotta ’l quddiem meta kollox jidher diffiċli. Il-futbol ma jagħmilx suċċessi f’daqqa – imma jagħmel vjaġġi li jibqgħu f’qalbek għal dejjem. Agħti kollox, ibni karattru, u l-bqija jiġi waħdu.

Irrid nieħu mument biex nirringrazzja minn qalbi lill-familja tiegħi – għax wara kull logħba, kull sessjoni, kull sfida u kull rebħa … huma dejjem hemm. Il-familja tiegħi qatt ma kienet tfittex l-applaws, imma kienu dawk li:

  • emmnu fija meta forsi jien stess kont qed niddubita;
    • sostnewni fi ġranet diffiċli;
    • u ferħu għalija b’qalbhom meta rnexxieli.


 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport