Wednesday, October 9, 2024

 “Bħala Gvern kommessi li ntejbu l-ħajja tal-istudenti”

Il-Ministru Clifton Grima … Jitlesta proġett ta’ €5 miljun fl-Iskola Sekondarja taż-Żejtun

Aqra wkoll

B’investiment ta’ €5 miljun tlesta l-proġett ta’ tkabbir u moderniżzzar tal-Iskola Sekondarja taż-Żejtun, Kulleġġ San Tumas More. Dan il-proġett kien jinvolvi l-bini ta’ sular fuq kull blokka eżistenti, l-iżvilupp ta’ laboratorji u workshops ghal suġġetti vokazzjonali u l-immodernizzar komplet tal-iskola. 

“Bħala Gvern kommessi li ntejbu l-ħajja tal-istudenti biex iħarsu lejn l-edukazzjoni bħala fattur determinanti fil-bini tal-futur tagħhom stess. Dan qed nagħmluh mhux biss billi qed nagħtuhom l-opportunitajiet kollha possibbli, imma billi qed intejbu l-ambjent edukattiv kemm għalihom u wkoll għall-edukaturi tagħna”, qal il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima. 

Il-blokka li ġiet inawgurata llum hija l-blokka amministrativa li minnha ssir ħidma mill-amministrazzjoni u l-edukaturi tal-Iskola Sekondarja kemm għat-tmexxija tal-iskola u wkoll fil-preparament ta’ dak kollu li huwa meħtieġ għall-edukazzjoni tal-istudenti. 

Fix-xogħol li sar f’dan il-proġett kollu, żdiedu 13-il klassi, 8 laboratorji għat-tagħlim tax-xjenza, 2 klassijiet għall-home economics, u klassijiet għall-inġinerija u d-disinn. Kienu wkoll żviluppati laboratorji u workshops għal suġġetti vokazzjonali fosthom it-teknoloġija tal-informatika, l-ospitalità, il-hairdressing, il-media, u t-tessuti u l-moda. B’hekk permezz tat-tagħlim ta’ suġġetti vokazzjonali, l-istudenti qed ikunu preparati aħjar għad-dinja tax-xogħol. L-iskola saret ukoll kompletament aċċessibli għall-istudenti kollha. 

Il-Ministru Grima qal li bis-saħħa tax-xogħlijiet li qegħdin isiru madwar il-pajjiż fl-iskejjel u l-istituzzjonijiet edukattivi l-Gvern qed jara iktar skejjel jiġu modernizzati biex jilħqu l-ambjent xieraq għat-tagħlim u għall-edukazzjoni ta’ uliedna. Dan qed isir bil-għan li l-istudenti jieħdu gost fil-ħin li jqattgħu fiżikament fl-iskola u wkoll għall-edukaturi biex intejjbu l-post tax-xogħol tagħhom. 

Huwa qal ukoll li l-Gvern jemmen bis-sħiħ fl-edukaturi u jirrikonoxxi d-dedikazzjoni u l-impenn tagħhom biex jagħtu edukazzjoni mill-aqwa lill-istudenti tagħna. Huwa għalhekk li lill-edukaturi qed nofrulhom l-opportunitajiet kollha possibbli għall-avvanz tal-karriera tagħhom, u wkoll kundizzjonijiet tax-xogħol li dejjem qed jitjiebu – bħalissa għaddejjin diskussjonijiet fuq il-ftehim settorjali ġdid. Il-Ministru Grima qal li lill-edukaturi qed nofrulhom ukoll ambjent modern fejn ikunu jistgħu jipprattikaw il-professjoni tagħhom. 

Iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada Dr Cory Greenland irringrazzja lill-amministrazzjoni tal-kulleġġ u l- iskola tal-koperazzjoni sħiħa li l-FTS dejjem sabet waqt l-eżekuzzjoni ta’ dan il-proġett. “Dan il-proġett partikolari huwa eżempju ta’ kif għandu jsir ix-xogħol fl-iskejjel, bl-inqas impatt possibli fuq l-operat”, qal Dr Greenland, li rringrazzja wkoll lill-impjegati tal-Fondazzjoni tal-ħidma li wettqu fuq dan il-proġett u fuq diversi proġetti oħrajn. 

Sport