Sunday, November 24, 2024

“Bħala Gvern mhux se joqgħod iżjed ostaġġ tal-Qorti”

Il-PM jaħtar inkjesta skont l-Att dwar l-Inkjesti filwaqt li jesprimi d-diżappunt għat-tkaxkir tas-saqajn fl-inkjesta Maġisterjali

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“L-estensjoni tal-inkjesta se tkun qiegħda tkompli ttawwal u m’hemm xejn li jżommha milli tagħmel dan. X’tgħid il-liġi… l-inkjesta Maġisterjali għandha tingħalaq f’60 ġurnata. Il-Maġistrat talbet estensjonijiet li baqgħu jtawlu l-ġranet u minflok ġara kif ħafna kienu qed jistennew, il-Maġistrat għadha lanqas semgħet ix-xhieda tal-familja ta’ JeanPaul Sofia”. Iddikjara dan il-Prim Ministru hekk kif beda biex jindirizza konferenza tal-aħbarijiet li fiha esprima d-diżappunt tiegħu għall-fatt li dak li kien u għadu jemmen li huwa l-aħjar metodu biex issir ġustizzja wassal għal ineffiċjenza b’estensjoni wara l-oħra għal xhur sħaħ.

Il-Prim Ministru qal li huwa fatt u hekk għandu jkun li In-nies qegħdin jippretendu risposta għax dawn iridu serħan il-moħħ li kull min kellu tort jew kontribut biex seħħet din it-traġedja jiġi identifikat u jpatti ta’ għemilu.

“Għalhekk bħala Prim Ministru u bħala Malti m’iniex komdu iżjed… irrid li tiġi stabbilità l-verità sħiħa u fil-parlament għamilt appell biex kollox jiġi indikat u mhux biss li ssir l-investigazzjoni iżda li din issir u mingħajr dewmien żejjed. L-appell tal-parlament ġie injorat bl-estensjoni u għalhekk issa se nieħu r-responsabbiltà fuqi, nibqa’ konvint li nħallu l-inkjesta Maġisterjali tibqa’ l-aktar proċedura li tista’ twassal għall-ġustizzja, iżda issa għandna inkjesta Maġisterjali li qiegħda tkaxkar saqajha u għalhekk il-gvern mhux se joqgħod iżjed ostaġġ tal-Qorti”, sostna l-Prim Ministru filwaqt li sostna dwar il-kunflitt intern ta’ Prim Ministru tal-pajjiż u l-ġibda lejn l-emozzjonijiet tiegħu bħala missier filwaqt li l-ġustizzja ma kinitx qiegħda ssir minħabba ineffiċjenza.

Huwa talab apoloġija lejn dawk li ħassew li ma weriex biżżejjed emozzjonijiet bħala missier bl-akbar waħda tkun lejn omm u missier JeanPaul Sofia. Il-Prim Ministru qal li dan l-iżvilupp ma kienx mistenni iżda li hu fiż-żgur huwa li l-pajjiż ma jistax iħalli l-inċertezza. 

Il-Prim Ministru rrefera wkoll għall-aħħar mewta fuq il-post tax-xogħol fir-Rabat filwaqt li ħabbar li se jkun qiegħed jaħtar inkjesta skont l-Att dwar l-Inkjesti u bħala President se jkun qiegħed jippresedija l-Imħallef Joseph Zammit Mckeon assistit mill-Awditur ġenerali Charles Deguara u l-espert tekniku tal-Qorti l-Perit Mario Cassar.

Il-Prinċipji se jkunu trasparenza, skrutinju fuq ir-responsabbiltajiet ta’ kif ingħatat l-art u kif ukoll indaġni fuq it-triq ’il quddiem li għandha tagħrbel it-triq ’il quddiem fejn tidħol is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Il-konklużjonijiet ta’ din l-inkjesta se jkunu qegħdin jiġu ppubblikati minnufih kif jaslu għandu.

Għal darba oħra l-Prim Ministru sostna dwar l-enfasi biex il-Maġistrat inkwerenti tikkonkludi l-inkjesta Maġisterjali għax tista’ tkun biss l-inkjesta bis-snien neċessarji biex jekk hemm min hu responsabbli jasal biex jingħata sanzjonijiet rispettivi skont kif tiddeċiedi l-Qorti. 

“Bħala gvern kommessi li t-tkabbir ekonomiku jwassal għal kwalità ta’ ħajja aħjar u b’sigurtà f’kull ċirkostanza b’mod speċjali fuq il-lant tax-xogħol”, sostna Abela filwaqt li ċċara li hu mhux se jittollera lil min jaħseb li jista’ jaqla’ l-għajxien għas-skapitu tal-ħajja ta’ ħaddieħor.

Sport