Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-basketball?
L-imħabba tiegħi lejn l-isport kienet dejjem preżenti f’ħajti. Ġej minn familja fejn li tipprattika sport qatt ma kien imħeġġeġ, iżda jien dejjem kelli x-xewqa qawwija li nieħu sehem, anke jekk, kif nammetti jiena stess qatt ma kont mbierek b’attributi fiżiċi jew atletiċi eċċezzjonali. F’Malta, l-iktar triq ovvja kienet il-futbol. Madankollu, qatt ma kont wieħed li nimxi mal kurrent jew semplicament nagħmel dak li jghiduli.
Bħala żagħżugħ fis-snin 90, il-popolarità globali qawwija u l-kummerċjalizzazzjoni tal-NBA, flimkien max-xewqa tiegħi li nesplora sport alternattiv, ġibduni b’saħħa lejn il-basketball. Dak li beda bħala kurżità malajr kiber f’impenn, u dik il-passjoni wasslitni biex nibda t-taħriġ tiegħi ma’ Athleta.
Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. Kif qed tħares lejn l-esperjenza ġdida tiegħek bħala Kowċ tal-U16 u l-U19 tat-tim tan- nisa ta’ Starlites Naxxar Revive?
Il-pass li ningħaqad ma’ Starlites Naxxar Basketball Club kien tassew wieħed mhux mistenni jew pjanat, u seħħ fi żmien qasir ħafna. Fil-ħajja personali, professjonali u ta’ kowċing tiegħi, id-deċiżjonijiet dejjem kienu msejsa fuq prinċipju favorit ta’ Maya Angelou: “Tgħallimt li n-nies jinsew dak li għedt, jinsew dak li għamilt, imma qatt ma jinsew kif ġielthom iħossuhom.” Dan il-prinċipju jinsab fil-qalba tal-mod kif inħares lejn il-kowċing. Irrid li kull plejer iħossu apprezzat, imħeġġeġ u eċċitat li jikber.
Jiena grat ħafna lejn il-klabb talli fdali f’idejja lit-timijiet ta’ żvilupp tal-Under 16 u l-Under 19. Mill-ewwel diskussjonijiet tagħna kien ċar li flimkien mal-Kowċ Miguel Falzon konna fuq l-istess binarji ta’ ħsieb. Il-viżjoni tagħna mhijiex li nkabbru n-numri, iżda li noħolqu ambjent fejn kull plejer tingħata l-opportunità tilħaq il-potenzjal tagħha. Xi plejers jiżviluppaw kmieni, oħrajn aktar tard; xi wħud ikollhom impatt inqas, filwaqt li oħrajn jikkontribwixxu b’modi uniċi. Bħala kowċ, waħda mir-responsabbiltajiet ewlenin tiegħi hi li nagħraf l-abbilitajiet u l-valur f’kull individwu, mhux biss f’dawk il-ftit eċċezzjonali.
Kemm hu importanti s-settur tal-grassroots fil-basketball?
Is-settur tal-grassroots huwa fundamentali għall-basketball—mingħajru ma jkollna xejn. Huwa l-pedament li fuqu jinbena l-vjaġġ ta’ kull plejer, fejn mhux biss jitrawmu talenti ġodda iżda wkoll jiġu mħawla l-valuri, il-ħiliet u l-imħabba lejn il-logħba li jżommu l-isport ħaj f’kull livell. Sistema b’saħħitha ta’ grassroots tiżgura kontinwità, tkabbir u suċċess fit-tul kemm għall-plejers kif ukoll għall-komunità tal-basketball. Kompetizzjonijiet u tournaments apparti dik tal FIBA għandhom jiġu mħeġġa fuq livell nazzjonali, għax b’hekk jinvolvu aktar plejers u kowċis u jesponuhom għal livelli differenti ta’ kompetizzjoni. Din is-sajf pajjiżna reġa’ ħa sehem fil-Logħob tal-FISEC fl-Ungerija … esperjenza ta’ siwi kbir għal tfajliet ta’ taħt is-17-il sena li kellhom l-opportunitá li jikkompetu barra minn xtutna.
X’tikkummenta fuq il-livell tal-basketball f’pajjiżna fil-preżent?
Nemmen li l-livell tal-basketball f’pajjiżna qed jiżdied b’mod konsistenti, kemm fuq livell ta’ plejers kif ukoll fuq livell ta’ kowċing. Ejja nkunu ċari, iżda: għadna xi ftit ’il bogħod minn fejn suppost inkunu. Ix-xogħol li qed isir mill-kowċis Sandro Farrugia, Roderick Vella u Omar Said fil-livelli tal-U14 sa U18, huwa tassew notevoli. Kull wieħed minnhom imexxi karriera full-time impenjattiva, filwaqt li jikkowċja fuq livell ta’ klabb u fl-istess ħin iżomm l-obbligi tiegħu mat-tim nazzjonali. Wieħed mit-tragwardi għandu jkun li nkunu f’pożizzjoni li jkollna ħafna aktar minn dawn l-ismijiet ta’ kowċis fil-lista.
Issa wasal iż-żmien li nkunu kuraġġużi u nimmaġinaw mill-ġdid il-basketball b’perspettiva friska, nibdew bili nħarsu lejn l-għanijiet li rridu niksbu bħala nazzjon lewwel. Ħafna drabi huma dejjem l-istess ucuh li joffru ħinhom; jekk inħallu l-bibien aktar miftuħa, ħafna aktar nies ikunu lesti jikkontribwixxu bl-esperjenza tagħhom. B’aktar involviment f’kull livell, u sforz kollettiv, nistgħu nnaqqsu d-distakk u ngħollu l-logħba fejn tassew jixraqilha li tkun.
U dak tar-riżorsi (courts) fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?
L-istruttura attwali tal-Malta Basketball Association (MBA) qed topera bl-aħjar mod possibbli fi ħdan il-limitazzjonijiet li qed tiffaċċja.
It-tweġiba sempliċi għall-mistoqsija dwar jekk għandniex biżżejjed faċilitajiet hi, sfortunatament, le. Fuq livell ta’ klabb ma għandniex, u lanqas għal kompetizzjonijiet uffiċjali. Iva, nistgħu naħsbu f’modi alternativi biex nikkonċepixxu soluzzjonijiet għal kompetizzjonijiet lokali, iżda l-isport jeħtieġ ħafna aktar. Għandna bżonn faċilitajiet multi-purpose addizzjonali, mill-inqas żewġ padiljuni oħra full size, sabiex inkunu nistgħu nikkompetu u niżviluppaw il-logħba b’mod xieraq, speċjalment fuq il-livelli junior.
Kif qed tħares il-futur aktar imbiegħed tiegħek fil-basketball?
Irrid nammetti li matul is-sajf kont viċin ħafna li nieqaf mill-kowċing tal-basketball … mhux għax tlift l-imħabba tiegħi lejn il-logħba jew il-kowċing, iżda proprju għall-kuntrarju. Tant għandi mħabba lejn dan l-isport li xi drabi l-kunflitti tal-madwar kienu tqal wisq. Madankollu, il-pjan tiegħi fit-tul hu ċar: qatt ma nieqaf nitgħallem, indawwar lili nnifsi b’individwi li mingħandhom nista’ nitgħallem, u nkompli nirfina l-approċċ tiegħi kemm lejn l-isport kif ukoll lejn il-kowċing.Matul l-aħħar staġuni, kelli x-xorti li nassisti kowċ li ghandi stima kbira lejh u lejn il- kapajcitajiet tiegħu, kemm fuq livell ta’ klabb kif ukoll fuq livell ta’ tim nazzjonali. L-għan tiegħi immedjat jibqa’ wieħed sempliċi: li nikkontribwixxi b’kull mod possibbli għas-suċċess ta’ kull kategorija li nkun involut fiha, tkun xi tkun l-għanijiet, filwaqt li nibqa’ umli u nħalli kull forma ta’ ego fil-ġenb. Dan l-istaġun jiftaħ kapitlu eċċitanti ieħor għalija: se nkun qed nassisti lill-kowċ Peter Shoults fit-tmun tat-tim tan-nisa ta’ Starlites Naxxar Revive. Wara diskussjonijiet sinjifikanti għenitni nifhem il-persuna lil hinn mill-court. Nemmen li nistgħu niksbu bilanċ b’saħħtu, u bl-enerġija u l-esperjenza tal-Assistant Coach Christina Curmi, jipprometti li jkun staġun tassew interessanti. L-importanti għalina huwa l-input kollettiv, mhux it-tfittxija ta’ vantaġġ individwali.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jipprattika l-basketball u jkollu karriera ta’ suċċess f’dan l-isport.
Lil kull min qed jaħseb biex jibda l-basketball, kif jgħidu bl-Ingliż, go for it’! Agħti ċans lilek innifsek tagħmel żbalji, tgħallem, aġġusta u kompli imxi ‘l quddiem. Hemm post għal kulħadd f’dan l-isport, u l-vjaġġ tiegħek bħala plejer m’għandux jiddefinixxi jew jillimita l-involviment tiegħek: għandna bżonn kowċis, uffiċjali, membri tal-kumitati, diretturi, u amministraturi, u l-kontribut tiegħek jista’ jkompli sew lil hinn mill-minuti tiegħek fuq il court. Kun kurjuż, kun konsistenti u kun kuraġġuż – attendi, aħdem, u dawwar lilek innifsek b’nies li jemmnu fik u jappoġġjawk. Jekk tikkometti ruħek fil-proċess u żżomm l-imħabba tiegħek lejn il-logħba fiċ-ċentru, tibni mhux biss karriera ta’ suċċess iżda wkoll ħbiberiji u konnesjonijiet tul il-ħajja!