Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet fl-età ta’ seba’ snin, meta z-ziju kien saqsieni jekk nixtiqx nibda nitħarreġ fil-futbol. Kien minn hemm, li bdejt nitħarreġ mat-tim ta’ pajjiżi, Zabbar St Patrick.
Iktar ma għadda ż-żmien, l-imħabba lejn il-logħba tal-futbol kompliet tikber, kif ukoll is-sagrifiċċju u d-dedikazzjoni li tirrikjedi l-logħba tal-futbol.
Fil-jiem li għaddew ħabbart li kont se tħalli lil Zabbar SP. Agħtina iktar dettalji.
Kienet ġimgħa diffiċli ħafna għalija meta ħadt id-deċiżjoni li dan kien ħa jkun l-aħħar staġun tiegħi bħala plejer ma’ Zabbar St Patrick. Kienet ġimgħa ta’ ħafna emozzjonijiet u iktar ma resqet fil-qrib l-gurnata tal-aħħar logħba, iktar kont qed inkun emozzjonat. L-emozzjoni kompliet tikber meta bdejt nara u nirċievi messaġġi mingħand in-nies, wara li ħabbart li din kienet se tkun l-aħħar logħba tiegħi bħala plejer mat-tim ta’ Zabbar – it-tim li tant hu għal qalbi u li tant ngħożż.
Bħala plejer, jasal mument fejn tħoss li tajt dak kollu li stajt għall-klabb u li qdejt dmirek bl-ahjar mod possibli. Mument fejn trid taċċetta li wasal iż-żmien biex tagħlaq kapitlu ieħor, kapitlu li ma setax ikun isbaħ milli kien. Żgur mhux forsi, li din il-ġurnata, tal-aħħar partita, se tibqa’ mnaqqxa f’qalbi (1 ta’ Mejju, 2025) kontra Hibernians. Speċjalment kif spiċċat il-logħba, kelli x-xorti li nsellem lill-polz u l-qalb tat-tim, il-partitarji u n-nies ta’ Ħaż-Żabbar.
X’tikkummenta fuq din l-esperjenza tiegħek, fejn kont anke l-captain tat-tim?
Minn meta bdejt nitħarreġ mal-klabb, dejjem kont insegwi b’ammirazzjoni t-tim tal-kbar. Partikolarment, fl-istaġun 2003/04, meta l-klabb kiseb promozzjoni għall-Malta Premier. Kienu grupp speċjali għaliex l-għaqda li kellhom kienet xi ħaga li taffaxxinani. Infatti għadni nara ritratti ta’ dan l-istess grupp f’xi ‘re-union’.
Ftit wara li kont iddebutajt mat-tim tal-kbar, proprju fl-Ewwel Diviżjoni kontra Rabat Ajax, kont ħallejt il-klabb u komplejt il-karriera tiegħi fl-Ewwel Diviżjoni. Hemmhekk kelli esperjenzi diversi ma’ klabbs differenti, kif ukoll kelli esperjenza qasira fil-Malta Premier.
Meta ġejt avviċinat fl-2021, mill-amministazzjoni l-ġdida tal-klabb, immexxija mill-president Kevin Deguara, ma ħsibthiex darbtejn biex naċċetta din l-isfida. Għalkemm kienet tfisser li jkolli nerġa nibda mill-Amateur League. Kienet opportunità unika li nirritorna f’dari u ngħin il-klabb jilħaq l-ambizzjonijiet tiegħu, li kienu identiċi għall-ħolma tiegħi, li ntellgħu l-klabb ta’ Ħaż-Żabbar fejn jixraqlu, mal-kbar tal-futbol Malti.
L-ewwel staġun, kien xi ftit diżapuntanti, għaliex fallejna l-promozzjoni, li kien l-għan ewlieni tagħna. Però, wara ħafna snin kien irnexxielna nġibu żewg tazzi ġewwa beltna, l-Amateur Cup u l-Amateur Super Cup. Fit-tieni staġun, ġejt appuntat bħala l-captain tat-tim mill-kowċ ta’ dak iż-żmien, Mark Miller, assistit minn Emilio Cornago, li eventwalment ħa t-tmexxija tat-tim f’idejh. F’dak l-istaġun irnexxielna niksbu promozzjoni għaċ-Challenge League, wara kampjonat difficli fejn kellna avversarji b’saħħitom ħafna. Infatti konna ħadna l-promozzjoni bil-play offs. Dik l-istess sena rnexxielna niddefendu t-tazza tal-Amateur Cup però konna tlifna s-Super Cup.
L-istaġun ta’ wara, fl-opinjoni tiegħi, kien wieħed mill-isbaħ jekk mhux l-isbaħ fil-karriera kalċistika tiegħi. L-istaġun fejn ħadna l-promozzjoni għall-Malta Premier. Apparti l-fatt li ħadna promozzjoni, l-iskwadra li bniet l-amministrazzjoni kienet speċjali. L-għaqda li kellna bejnietna kienet is-sigriet tas-suċċess li kellna. Kien hemm taħlita ta’ plejers b’ esperjenzi diversi, kif ukoll plejers promettenti li riedu jitgħallmu u kienu bil-ghatx biex jiksbu l-unuri.
Fl-aħħar u mhux l-inqas, dan l-istaġun li għadu kif għadda. Staġun fejn bdejna fuq sieq ħażina però b’għaqal u deċizzjonijiet importanti li hadet l-amministrazzjoni fi żmien kruċjali, irnexxielna nwasslu t-tim biex jilħaqq l-ambizzjonijiet li kellna għal dan l-istaġun, li nżommu postna fil-Malta Premier wara nuqqas ta’ 20 sena. Tragward li kien ilu ma jintlaħaq 64 sena mill-klabb.
Kburi li f’dawn il-mument maġiċi u ta’ ħolm li għexna flimkien, kelli l-unur li nkun l-captain tat-tim biex inkun ta’ gwida, ta’ eżempju u ta’ għajnuna għal sħabi l-plejers, b’kull mod possibli.
Hemm xi logħba jew gowl partikolari li tibqa’ tiftakar iktar minn oħrajn ma’ dan il-klabb?
Ovvjament nibqa’ niftakar l-ewwel gowl tiegħi mat-tim tal-kbar, proprju fid-debutt tiegħi kontra Rabat Ajax, fejn kont skurjajt il-goal tar-rebħa fl-94 minuta, meta kont għadni nifforma parti mill-iskwadra ta’ taħt is-17-il sena.
Bħala logħob, hemm ħafna logħob li nibqa’ niftakar u ngħożż, għal diversi raġunijiet, fosthom il-logħob kontra Senglea fl-Amateur League, il-finali tal-Amateur Cup u s-Super Cup, il-promotion play-off kontra Mġarr United meta ksibna l-promozzjoni, il-logħba kontra Melita li kienet tindika fejn sejjer il-kampjonat taċ-Challenge League u l-logħob ta’ kontra l-Marsa u Senglea li kienu kruċjali biex nassiguraw il-promozzjoni għall-Malta Premier. Ma jonqosx logħob minn dan l-istaġun fosthom kontra l-Ħamrun fl-ewwel partita fejn kelli x-xorti nidħol bħala sostitut, il-logħba kontra n-Naxxar fl-opening round fejn kienet l-ewwel logħba tiegħi titulari dan l-istagun, il-logħba kontra Melita fejn assigurajna postna fil-Malta Premier u ovjament l-aħħar partita tiegħi bħala plejer ta’ Zabbar SP kontra Hibernians.
Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent, u kif rajtu jinbidel tul is-snin?
Il-livell tal-futbol Malti nemmen li mexa ‘l quddiem, sforz anke tal-investiment li qed jagħmlu l-klabbs fejn jidħlu faċilitajiet u plejers. Però fl-opinjoni personali tiegħi, hemm ħafna iktar xi jsir u hemm ħafna opportunitajiet fejn nistgħu nkomplu ntejbu l-kwalità u l-livell tal-futbol Malti, speċjalment fejn jidħol talent lokali.
U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
Ovvjament, din is-sena l-grawnds kienu ta’ kwalità għolja għaliex il-maġġoranza tal-partiti intlagħbu fl-Istadium Nazzjonali u fit-Tony Bezzina Stadium. Però mhux sigriet li aħna pjuttost limitati fejn jidħlu pitches ta’ kwalità u nieħu pjacir nara li l-MFA kontinwament tinvesti biex ittejjeb il-livell tal-pitches ġewwa pajjiżna, inkluż l-investiment li tħabbar riċenti għall-Istadium Nazzjonali.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol? Għad narawk kowċ ‘il quddiem?
Nemmen li baqagħli x’noffri bħala plejer tal-futbol, għalhekk qed nevalwa l-opportunitajiet li għandi quddiemi bħalissa biex inkompli ngawdi l-karriera tiegħi bħala plejer u forsi jkolli x-xorti li nerbaħ xi unur/promozzjoni oħra f’dan iż-żmien.
Il-kowcing hija xi ħaga li tinteressani. Infatti, propju f’Mejju, se nkun qed nibda l-Liċenzja C tal-UEFA. Diġà kelli l-opportunità li naħdem fl-akkademja ta’ Zabbar SP, u l-pjan hu li nibqa’ nitħarreġ u nkompli nibni l-karriera tiegħi bħala kowċ fl-akkademji. Jekk għadx inkun kowċ ta’ tim tal-kbar huwa wisq kmieni u ‘l bogħod għaliex nemmen li dejjem għandek tibda u titla’ tarġa tarġa.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Mhux ħa nkun l-ewwel wieħed li ngħaddi dan il-messaġġ. Però nemmen li huwa messaġġ importantissimu. Taqtgħu qalbkom qatt. Ma jfissirx li għax ta’ għaxar snin ma tkunx fost l-aqwa plejers, ifisser li ħa tkun diffiċli li jkollok karriera ta’ suċċess fil-futbol. Smajna ħafna stejjer fejn plejer ikunu jippromettu u sfortunatament itemmu l-karriera ta’ età żgħira għal raġunijiet diversi, inkluż għax tipprova titla’ għaxar tarġiet flokk tarġa tarġa, jew għax insibu lil minn jaqtagħlna qalbna. Hawn ħafna stejjer ta’ suċċess li tistgħu tħarsu u taspiraw li tirnexxu bħalhom. Nieħu minni, jien qatt ma kont l-iktar plejer tekniku, jew l-iktar plejer attraenti fil-logħba tiegħi, però dejjem tajt dak kollu li naf u dejjem tajt qalbi kull fejn kont, u fuq kollox dejjem kont lest li nisma’ mill-coaches biex inkompli nitgħallem. Għadni sa issa stess nitgħallem affarijiet ġodda. U għal minn jaqtagħlkom qalbkom, użawha bħala arma biex tagħtikom iktar saħħa u motivazzjoni biex tirnexxu fil-ħajja!