Sunday, November 24, 2024

“Bħalissa missieri agħar minn mejjet … diffiċli tarah f’din is-sitwazzjoni”

Jixhed iben l-anzjan li f’Awwissu li għadda safa aggredit u misruq f’ħanut tad-deheb fiż-Żurrieq

Aqra wkoll

“Bħalissa missieri agħar minn mejjet. Ġismu qiegħed jiddeterjora. Kien bniedem sportiv u issa bilkemm jista’ jieħu nifs u jiekol waħdu. Diffiċli tarah f’din is-sitwazzjoni.”

Qal dan iben l-anzjan li f’Awwissu li għadda safa aggredit u misruq f’ħanut tad-deheb fiż-Żurrieq. Joe Carabott, li għandu 67 sena, kien instab marbut wiċċu ‘l isfel f’għadira demm u għadu sal-lum il-ġurnata mhux f’pożizzjoni li jikkomunika mal-familjari tiegħu.

Ritratt: Uffiċċju tal-Komunikazzjoni, Il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta

Ibnu Kurt issejjaħ biex jixhed quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia, hekk kif kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni kontra Donna Borg Sciberras ta’ 29 sena u ż-żewġ Marokkini – Zuhair Hadoumi ta’ 26 sena u Mohamed Anas Bualam ta’ 37 sena.

Huma qed jiġu mixlija b’attentat ta’ qtil u serq aggravat fost oħrajn. Il-każ seħħ nhar il-25 ta’ Awwissu li għadda fi Triq Dun Ġużepp Zammit, bil-vittma jispiċċa jissielet għal ħajtu wara l-aggressjoni.

Fix-xhieda tiegħu, iben il-vittma rrakkonta fid-dettall ix-xena li sab quddiem għajnejh meta daħal fil-ħanut. Huwa qal li xħin daħal ġewwa sab lil missieru mixħut mal-art u mitluf minn sensih.

Qal li l-ħanut kien imqalleb kompletament, il-bank mgħawweġ u l-ħġieġ tal-vetrini kienu mkissrin. “Il-post kien żarmat. Is-safe kien miftuħ u vojt. F’temp ta’ ftit ħin, ġew ukoll il-pulizija filwaqt li ssejħet ambulanza fuq il-post. Daħlu l-infermiera u bdew jagħtuh l-ewwel għajnuna.”

Sport