Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
Fil-bidu tas-snin 90 missieri kien il-president tal-Klabb ta’ Żabbar SP u ovvjament kont nattendi ħafna logħbiet tal-futbol dak iż-żmien. Maż-żmien bdejt insegwi lil Rabat Ajax, belt twelidi, li dak iż-żmien kienu jilagħbu l-aktar fil-Premier Division.
Minn ta età żgħira ħafna dejjem kont interessat aktar fit-tmexxija u administrazjoni ta Klabb tal-futbol aktar milli nilghabu ghalkemm laghbt ftit ma Rabat sa meta kelli 18-il sena.
Iddeskrivi r-rwol tiegħek bħala Segretarju ta’ Pietà Hotspurs FC?
Dan huwa l-ħames staġun tiegħi bħala Segretarju ta’ dan il-klabb. Jiena nieħu ħsieb ix-xogħol amministrattiv ta’ kuljum. L-affarijiet inbidlu hafna dan l-aħħar snin u xogħol żdied mil-parti amministrattiva f’kwalkwe divizjoni. Parti mix-xogħol tiegħi huma r-reġistrazzjonijiet tal-plejers mal-MFA u l-FIFA. Barra hekk hemm xogħol ieħor bħal-liċenzjar tal-klabb u nżomm ukoll kuntatt mill-qrib mal-istaff tekniku. Huwa xoghol impenjattiv ħafna u jiġi apprezzat ħafna minn nies tal-klabb.
X’tikkummenta fuq l-esperjenza passata tiegħek bħala Team Manager ta’ Rabat Ajax FC, u kemm tgħallimt minnha?
Ma’ Rabat Ajax għamilt aktar minn 13-il sena u kelli rwoli differenti, fosthom dak ta’ Team Manager. Nista’ ngħid li tgħallimt ħafna minn dan il-klabb peressli kont hdimt f’diviżjonijiet differenti, mit-Tieni Diviżjoni sal-Premier Division. Kellna mumenti ta’ żminijiet tajbin u wkoll ftit inqas iżda kollox ma’ kollox inħossni onorat li wara nuqqas ta’ ħafna snin it-tim kien irritorna jilgħab fil-Premier.
X’tikkummenta fuq l-andament ta’ Pietà matul l-istaġun li għadda fejn temmejtu bil-kbir hekk kif irbaħtu ċ-Challenge Cup?
Għalaqna l-istaġun fuq nota pożittiva hekk kif kontra kull mistenni għelibna lil Valletta fil-finali taċ-Challenge Cup bl-iskor ta’ 1-0. Kien mument ta’ sodisfazzjon u premju żgħir għax-xogħol kollu li sar matul l-istaġun. L-għan ewlieni tagħna kien il-promozzjoni għall-Premier iżda sfortunatament ma lħaqniex dak it-tragward.
Kif qed tħarsu lejn l-istaġun li ġej?
Bħalma għamilna fiż-żewġ staġuni ta’ qabel dejjem nippreparaw tim kompetittiv li jista’ jisfida għall-promozzjoni.
Fuq nota oħra, aħna dejjem nippruvaw nibbażaw it-tim tagħna fuq taħlita ta’ prodotti mill-akkademja tagħna u plejers b’esperjenza. Iżda mhux sigriet li fil-Klabb tagħna kulħadd irid isegwi l-filosofija li il-klabb ta Pieta dejjem jimplimenta, dak li kemm jista jkun naghtu spazju lit-tfal promettenti li jkunu tilajn. Kull staġun jitilqu xi plejers iżda grazzi għan-Nursery tagħna, plejers oħra qed jiġu ppreparati għall-futbol mal-ewwel skwadra. Nemmen li nistgħu nerġgħu nkunu mat-timijiet ewlenin għall-istaġun li ġej.
Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?
Nemmen li ċ-Challenge league żdied fil-livell peressli ħafna plejers Maltin qed jiġu mill-Premier biex isibu aktar spazju jilghabu minħabba li ħafna klabbs qed jagħżlu li jilagħbu aktar plejers barranin. Bħala Premier, meta nikkumparah mas-snin 90, onestament ma nistax ngħid l-istess. Ħafna plejers barranin li qed jiġu jilagħbu Malta mhumiex ta’ livell.
U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?
Nemmen li bħala riżorsi meta tikkumparah ma’ snin preċedenti, il-grawnds dejjem qed jiżdiedu għalkemm bħala Pietá qegħdin naħdmu biex ikollna full pitch. Il-klabb tagħna bħalissa qed jidħol f’ħafna spejjeż għall-kiri ta’ grawnds biex it-tfal tagħna jkollhom l-aqwa ambjent possibli fejn jitħarrġu.
Kif tqis il-mentalitá tal-isport f’pajjiżna?
Dwar il-mentalità tal-isport f’pajjiżna, nemmen li għadna lura ħafna specjalment fil-futbol. Nippretendu ħafna mil-ftit riżorsi li għandna. Faċli biex tinbidel? Nemmen li difficli ħafna.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Il-futur tiegħi hu li nibqa’ involut fl-amministrazzjoni tal-futbol u nkompli nitgħallem aktar għax fil-futbol dejjem hemm spazju biex titgħallem aktar.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Is-suċċess fil-futbol jinkiseb permezz tad-dedikazzjoni u attitudni li qatt ma taqta’ qalbek. Fuq parti amministrattiva inħeġġeġ aktar żgħażagħ biex jinvolvu ruħhom għax dan ix-xogħol fih sodisfazzjon u tibqgħu involuti direttament fil-futbol.