Minn MELVIN FARRUGIA
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Evarist Bartolo qal f’messaġġ fuq il-midja soċjali li bħalma kien mistenni, meta pajjiżna fetaħ għat-turisti, iltaqgħu folol ta’ persuni f’attivitajiet tal-massa bħal parties u festi, kif ukoll waslu numru ta’ immigranti li wkoll kellhom il-COVID-19, in-numru ta’ infezzjonijiet f’pajjiżna reġa’ tela’. Għalhekk qal li issa hu dmirna li nieħdu l-passi meħtieġa biex in-numru jibdew jonqsu. Saħaq li bħalma rnexxielna fix-xhur li għaddew li nrażżnu l-pandemija, hekk ukoll se jerġa’ jirnexxielna issa.
Min-naħa l-oħra, Bartolo qal li biex inrażżnu l-pandemija m’hemmx għalxiex nagħmlu xi forma ta’ lockdown fejn inwaqqfu setturi sħaħ tal-ekonomija. Spjega li l-ħarsien tal-ħajja u s-saħħa tagħna, flimkien mal-ħarsien tal-għajxien tagħna jridu jmorru flimkien.
Semma wkoll kif anke l-esperta tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa, it-tabiba Maria Van Kerkhove qalet li l-għeluq ta’ setturi ekonomiċi jagħmlu ħafna ħsara lill-oqsma tas-saħħa, soċjali u tal-ekonomija jagħmel ħafna ħsara u allura għandu jiġi evitat. Sostna li din l-esperta qalet li minflok lockdown, għandhom jittieħdu miżuri speċifiċi li jimmiraw lejn settur partikolari.
Għalhekk, il-Ministru Bartolo qal li għandna nkomplu naħslu idejna, inżommu bogħod minn xulxin, nilbsu l-maskra u nevitaw li ninġabru f’folol kbar. Qal li l-esperta qalet li rridu nidraw ngħixu mal-pandemija, peress li hemm mill-inqas sitt xhur oħra biex tiġi żviluppata t-tilqima u wara xorta rridu noqogħdu attenti. Barra hekk, qal li l-esperta qalet li rridu nitgħallmu mill-pandemija biex insaħħu s-sistema tal-kura għax minn żmien għall-ieħor jaf ikollna oħra.
Għalhekk, il-Ministru qal li hu importanti li nkunu realistiċi u bilgħaqal. Sostna li m’għandniex inġibu ruħna qisna waslet l-aħħar tad-dinja u lanqas qisu xejn mhu xejn. Saħaq li minflok paniku, isteriżmu u esaġerazzjonijiet, irridu nagħmlu dak li għandna nagħmlu għal ħajjitna u għall-għajxien tagħna.