F’konferenza tal-aħbarijiet dwar id-deċiżjoni tal-Arbitraġġ Internazzjonali tal-Kamra Internazzjonali tal-Kummerċ, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li b’ħila, b’kompetenza u b’għarfien tas-suġġett, il-Gvern Malti rnexxielu jiddefendi l-interessi ta’ pajjiżna. Dan wara li l-interessi ta’ Malta ipprevalew fil-proċeduri kontra Steward Healthcare.
Il-Prim Ministru Robert Abela spjega kif wara li sentejn u nofs ilu kien hemm is-sentenza tal-Prim Awla Ċivili li ħassret il-konċessjoni tal-isptarijiet, il-Gvern daħal minnufih fil-pussess tal-isptarijiet, qabel ma’ fl-istadju tal-appell tal-Qorti Maltija irrifurmat is-sentenza inizjali.
Il-Prim Ministru nnota li t-Tribuna xejjen għal kollox dak li ngħad mill-Oppożizzjoni, li Steward Healthcare kienu ħarbu minn Malta b’€400 miljun u l-Gvern ta’ Malta ħallashom ta’ servizz li ma għamlux. Dr Abela qal li t-Tribunal, bl-esperti tekniċi tiegħu għamel eżerċizzju li bih eżamina x’ħallas il-Gvern lil Steward Healthcare u x’ta lura f’servizz Steward Healthcare. Hawn it-Tribunal iddikjara li l-Istat Malti ħa l-valur ġust ta’ dak li ħallas.
Il-Prim Ministru Robert Abela għalhekk spjega li t-Tribunal ikkonkluda li l-konċessjonarju ta b’aktar servizzi milli ġew imħallsa u meta wieħed iqis ukoll spejjeż li għandu jirrifondi Steward Healthcare favur l-Istat Malti, id-differenza dovuta għall-kumpanija hija ta’ ftit aktar minn erba’ miljun u nofs ewro.
Fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru rrimarka wkoll li l-Gvern ġie espost li għax ħassar il-konċessjoni wara l-ewwel deċiżjoni tal-Qorti Maltija, saret talba minn Steward li tlaħħaq il-€148 miljun biex titħallas mill-Gvern. Dik it-talba ġiet miċħuda mit-Tribunal u għalhekk il-Gvern Malti mhu se jħallas xejn minn din is-somma.
Dr Abela fakkar li t-Tribunal tal-ogħla kalibru b’reputazzjoni internazzjonali llum ta deċiżjoni awtorevoli fuq ukoll Oppożizzjoni li biegħet falsità li baqgħet tirrepetiha bit-tama li titwemmen. Saħaq li b’differenza, il-Gvern iddefenda l-interessi nazzjonali u hekk se jibqa’ jagħmel.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard ta elenku għal dak li wettqet din l-amministrazzjoni biex kompliet tiddefendi l-interess nazzjonali. Il-Ministru sostna li d-deċiżjoni tal-lum mhijiex biss eżitu ta’ natura legali iżda wkoll ċertifikat favur il-governanza t-tajba li biha jgawdi l-poplu Malti. Fakkar kif f’nofs proċeduri quddiem Arbitraġġ Internazzjonali, l-Oppożizzjoni għamlet proċess biex diżnatura l-irwol tal-Avukat tal-Istat billi ħadet it-triq tal-irresponsabbiltà u fetħet kawża biex l-Avukat tal-Istat ifittex nies bħall-Prim Ministru u Ministri fil-Kabinett. Dr Attard ingħaqad mal-Prim Ministru u rringrazzja lit-tim legali li ħadem b’impenn sħiħ favur l-interessi tal-Istat Malti.

