Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-basketball?
L-imħabba tiegħi lejn il-basketball bdiet meta kelli madwar għaxar snin, u bdiet l-iktar grazzi għal oħti u missieri. Jien minn ċkuniti dejjem nilgħab l-sports fost l-oħrajn kont niprattika il-gymnastics, żfin u imbagħad bdejt il-basketball. Oħti kienet tilgħab basketball l-ewwel, niftakar kont imur naraha tilgħab, kulħadd mimli b’entużjażmu u enerġija, u għoġbitni ħafna l-atmospfera. Aparti minnhekk missieri kien jieħu lili u lil oħti Ta’ Qali biex nipprattikaw il-basketball flimkien. Minn hemm nibtet l-imħabba tiegħi lejn il-basketball.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek mat-tim tan-nisa ta’ taħt is-16-il sena ta’ Depiro BC?
L-esperjenza tiegħi mat-tim tad-Depiro tan-nisa ta’ taħt is-16-il sena hija waħda pożittiva ħafna. Ilni naf lill-plejers sħabi fuq tliet snin issa u kollha nafu lil xulxin sew. Tħossok parti minn familja, ilkoll naħdmu flimkien bħal tim, u ninkoraġġixxu bis-sħiħ lil xulxin. Il-livel tal-plejers tad-Depiro huwa wieħed għoli u bis-saħħa tal-coaches dejjem sibt l-għajnuna u t-taħriġ neċessarju biex inkompli nkabbar l-abiltá tiegħi fil-basketball.
X’taħseb li kien is-sigriet tas-suċċess wara r-rebħ tal-kampjonat minn Depiro BC matul ix-xahar li għadda?
Il-kampjonat kien wieħed kombattut ħafna sal-aħħar. Ir-rebħ tal-kampjonat ma kienx wieħed faċli imma bqajna niġġieldu sal-aħħar. Bi sforz kollettiv bħala tim magħqud, b’ħafna determinazzjoni, stinkajna u ħdimna sabiex b’ħafna sagrifiċċju irnexxielna nirbħu l-kampjonat. Dan grazzi ukoll għal kowċ tagħna li emmen fina u fil-kapaċitajiet ta’ kull wieħed u waħda minnha. Kien ta’ spalla anke meta kellna qalbna maqtugħa bil-kliem ta’ inkoraġġament u s-sapport li tana. Logħba wara logħba wasalna sal-finali u wasalna għar-rebħa li tant kien ilna naħdmu għaliha.
X’tikkummenta fuq il-livell tal-basketball f’ pajjiżna fil-preżent?
Il-livell tal-basketball f’Malta fadallu fejn jitjieb ħafna. Inħoss li l-basketball ma tantx jingħata l-importanza li jixraqlu bħala sport. Il-klabbs lokali jaħdmu ħafna billi jinvestu f’taħriġ u kowċis ta’ livell għoli. Peró, naħseb li jekk ikollhom aktar għajnuna mingħand il-gvern il-livell tal-basketball għandu jitjieb aktar. Nemmen ukoll li jekk ninvestu iktar fuq it-taħriġ tal-basketball fl-iskejjel kif ukoll basketball courts fl-irħula u l-ibliet il-livell ta’ dan l-isport ikompli jogħla.
U dak tar-riżorsi fejn il-plejers tagħna jitħarrġu u jkollhom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħhom?
Il-courts li nitħarrġu fihom mhumiex ħziena … xi wħud huma naqra żgħar imma xorta waħda huma tajbin. Fl-opinjoni tiegħi, il-courts li jkollna l-kompetizzjonijiet uffiċjali fihom huma veru tajbin, kemm it-tip ta’ ‘flooring’ kif ukoll il-kobor tagħhom. Fl-istess ħin għadni qatt ma lgħabt barra minn Malta, għaldaqstant ma tantx għandi esperjenza ta logħob fil-courts li wieħed isib barra minn xtutna. Nemmen peró li dejjem ikun hemm fejn tista’ tavvanza fil-kwalitá tal-flooring u l-courts inġenerali.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-basketball?
Il-basketball inħares lejh bħala sport li jgħinni biex nikber kemm fil-karattru kif ukoll fis-saħħa fiżika tiegħi. Dan is-sajf ġejt magħżula fit-tim tal-basketball tat-tfajliet ta’ taħt is-sittax il-sena li ser jirrapreżenta lil Malta fil-logħob tal-FISEC li ser isiru ġewwa l-Ungerija. Dan is-sajf ukoll se inkun qeda naħdem ħafna iktar biex inkompli intejjeb il-livell tiegħi fil-basketball, sabiex nerġgħu nirbħu il-league s-sena d-dieħla. Ser inkompli nistinka iktar biex naqta xewqti li nidħol parti mit-tim Nazzjonali ta’ Malta ta’ taħt is-sittax il-sena.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jipprattika l-basketball u jkollu karriera ta’ suċċess f’dan l-isport.
Il-basketball huwa sport dinamiku, li jagħtik sodisfazzjon kbir. Huwa sports kollettiv fejn taħdem flimkien bħala tim sabiex tasal għar-rebħa. Apparti l-ħiliet fiżiċi, jirrikjedi ħafna enerġija u determinazzjoini kbira. Jekk tkun moħħok hemm u tittrenja konsisitenti, tasal żgur. Il-basketball jagħtik ħafna kunfidenza, jġħinek temmen fik innifsek, jgħallmek tikkomunika aħjar man-nies, iżommok b’saħħtek u tagħmel ħafna ħbieb. Normalment it-taħriġ fil-basketball jibda mill-etá ta’ sitt snin ‘il fuq. Aktar ma tibda kmieni aktar ħa tibda taħdem minn kmieni fuq dawn il-ħiliet li jistgħu anke jwassluk lejn karriera ta’ suċċess f’dan l-isport u forsi anke jwasslek biex tipparteċipa barra minn xutna.