Monday, May 13, 2024

Bi tkomplija mal-kampanja ‘Malta Ġusta’

Aqra wkoll

Il-bidu tal-ġimgħa li għadha kemm intemmet kien karaterizzat minn diskorsi fil-Parlament fir-rigward tal-Budget 2024. It-Tnejn smajna lill-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech jittanta jisfuma l-miżuri mħabbra mill-Ministru għall-Finanzi l-ġimgħa ta’ qabel u l-għada, it-Tlieta, smajna lill-Prim Ministru Robert Abela jxejjen l-attentat tal-Kap tal-Oppożizzjoni.

Sadattant għaddejja kampanja informattiva fuq il-mezzi tax-xandir bl-isem ‘Malta Ġusta’ li fiha qegħdin ikunu speċifikati miżuri mill-budget u x’ifissru bħala benefiċċju. Kampanja tajba imma li nemmen li għandha tkun kumplimentata b’mod dirett maċ-ċittadini.

Il-Ħadd li għadda temmejt il-kummentarju tiegħi dwar il-Budget hekk: Il-Ħadd li ġej ngħidlek x’nippretendi min-naħa tal-Gvern minn Jannar li ġej meta allura jidħlu fis-seħħ il-miżuri tal-budget.

U hekk se nagħmel billi nagħti ftit eżempji.

Kontijiet tad-dawl u l-ilma. Għas-sena 2024 il-Gvern alloka €350 miljun biex il-prezz tal-enerġija jinżamm stabbli. Fil-preżent mal-kont tad-dawl u l-ilma jkollna spjegazzjoni dettaljata ta’ kif inħadem il-proċess li wassal għall-kont li tirċievi. Nemmen li b’żieda ma’ din l-ispjegazzjoni għandu jkun hemm x’kien is-sussidju fuq il-kont partikolari biex b’hekk kull min fuqu jkun reġistrat il-kont ikun jaf eżattament kemm kienet l-għajnuna tal-Gvern fuq dak il-kont partikolari. Ikun jaf x’ġie ffrankat lilu. Stat ta’ fatt, xejn iżjed u xejn inqas.

Mediċini tal-POYC u servizzi mill-isptar. Il-budget għall-qasam tas-saħħa huwa wieħed qawwi mhux ftit. Budget li jkopri l-ispejjeż għall-mediċini li jingħataw b’xejn u b’mod regolari taħt is-sistema tal-Ispiżjar tal-Għażla Tiegħek (POYC). Naħseb li jkun tajjeb li kull min jibbenefika minn din is-sistema għandu flimkien mal-mediċini li jingħata jkollu wkoll bil-miktub kemm jiswew l-istess mediċini. B’hekk ikun jaf xi tfisser finanzjarjament b’mod dirett tali miżura. Ikun jaf x’kien ikollu joħroġ minn butu kieku kellu jħallas għaliha.

Dan l-argument inħoss li għandu japplika wkoll għal kull servizz li jingħata mill-isptarijiet. Kulħadd jaf kemm tiswielek żjara privata għand xi professur. Kulħadd jaf ukoll kemm tiswielek titwila għand it-tabib tal-familja. Kull min kellu esperjenza ta’ xi operazzjoni fil-privat jaf kemm swietu. Allura x’hemm ħażin li lill-individwu ngħidulu kemm tkun swietlu lill-istat operazzjoni li saritlu Mater Dei? X’hemm ħażin li lill-individwu ngħidulu bil-miktub li tali operazzjoni ġiet tiswa’ tant, il-kura ta’ wara se tkun tqum tant IMMA INT MHUX SE TĦALLAS GĦALIHOM? Qed ninfurmak biss x’se tkun qed tiffranka minn butek.

Edukazzjoni. X’ikun qed isir ħażin jekk liċ-ċittadini fi tmiem kull term tal-iskola ninfurmawhom kemm tkun swietlu lill-pajjiż l-edukazzjoni tal-wild tiegħu għal dak it-term partikolari? X’ikun qed isir ħażin jekk liċ-ċittadini ninfurmawhom kemm iffranka kull term fuq it-trasport b’xejn biex uliedu twasslu l-iskola u lura? X’ikun qed isir ħażin jekk lill-ġenituri li jagħmlu użu mis-servizz taċ-Childcare b’xejn ninfurmawhom fi tmiem kull term kemm kienet l-ispiża għall-istat fuq tali servizz u allura kemm iffranka finanzjarjament dirett minn butu?

Servizzi soċjali. Jidhirli li fil-preżent il-pensjonanti jingħataw informazzjoni bil-miktub dwar kemm ikunu se jirċievu pensjoni kull erba’ ġimgħat fuq perjodu speċifiku. Jingħataw ukoll informazzjoni dwar x’tibdil ikun qed isir f’tali rati ta’ pensjonijiet. Dan huwa eżempju mill-aqwa ta’ dak li qed ngħid illum. Imma ma nara xejn ħażin li fil-ġimgħa li l-pensjonant u kull benefiċjarju ieħor ta’ xi servizz soċjali jirċievi l-benefiċċju jkun imfakkar b’dan.

Dawn huma biss ftit eżempji. Nemmen li dan il-prinċipju għandu jitħaddem għal kull miżura mħabbra fil-Budget. Għax wisq naħseb li t-tendenza hi li tali għajnuniet jiġu minn xejn. Jaqgħu mis-sema. Tkun taf x’ifissru jekk jitwaqqfulek. Il-Gvern mhux talli mhux se jwaqqafhomlok talli qiegħed kull sena jżidhomlok u jintroduċi oħrajn ġodda.

Allura x’ikun qed isir ħażin jekk int titfakkar kontinwament dwar dan kollu?
[email protected]

Servizz eċċellenti mill-Awtorità tad-Djar

Ftit tal-ġimgħat ilu kont tlabt appuntament mat-taqsima tal-Awtorità tad-Djar li tikkonċerna reġistrazzjoni ta’ kirjiet residenzjali privati. Ingħatajt appuntament għal nhar il-Ġimgħa li għadda, 3 ta’ Novembru fit-8.10 ta’ filgħodu. Ġurnata qabel jum l-appuntament sar kuntatt telefoniku miegħi mir-receptionist ta’ din it-taqsima biex tfakkarni li l-għada kelli l-appuntament u fl-istess ħin tikkonferma li kont se mmur għall-appuntament.

It-taqsima konċernata tiftaħ fis-7.30. Huwa fin-natural tiegħi li fejn ikolli l-appuntamenti nasal fil-post mill-inqas kwarta qabel. U hekk għamilt nhar il-Ġimgħa. Infurmajt lir-receptionist li kelli appuntament filwaqt li għidtilha li kont hemm qabel il-ħin.

Ftit minuti wara qaltli li kont nista’ nidħol għand il-persuna konċernata. Meta għidtilha li kien għadu l-ħin qaltli li ma jimpurtax u “la darba m’għandha lil ħadd quddiemha allura tista’ tidħol.”

Fi ftit minuti kont lest: QABEL il-ħin li fih suppost dħalt. Apparti s-servizz eċċellenti u spjegat li ngħatajt.

Qed nirrakkontalek dan għax ovvjament bħalma sar fil-konfront tiegħi persważ li hekk isir ma’ kulħadd. Inħossu dover li jekk minn din il-paġna mhux l-ewwel darba li wassalt ilmenti hekk ukoll inħoss li għandi nirringrazzja u nagħti mertu fejn mistħoqq.

Prosit u grazzi għal servizz eċċellenti.

Sport