Saturday, June 21, 2025

BIĊĊA XOGĦOL IEBSA GĦALL-KAP ĠID TAL-PN

Aqra wkoll

Il-Partit Nazzjonalista għada se jtellaq il-proċess li għandu jwassal għall-ħatra ta’ Kap ġdid tal-partit, wara r-riżenja mhux mistennija ta’ Bernard Grech il-ġimgħa li għaddiet. B’danakollu s’issa għadu ħadd ma ħabbar uffiċjalment li se jkun qiegħed jitfa’ ismu għal dan l-irwol, għalkemm issemmew diversi ismijiet ta’ min jista’ jikkandida ruħu biex ikun is-suċċessur ta’ Grech. 

Mill-banda l-oħra, diġa hemm ukoll min ħabbar li mhux se jikkontesta għal din il-kariga, fosthom Dr Roberta Metsola, li minflok, għażlet il-Parlament Ewropew, u dan fost l-għadab ta’ bosta partitarji nazzjonalisti li xtaqu lilha li  tkun il-Kap il-ġdid tal-PN.

Iżda issa li se jingħata bidu għal dan il-proċess, u minkejja d-diffikultajiet u l-problemi eżistenzjali li qed jiffaċċja bħalissa bħala partit, il-PN jeħtieġ jagħżel Kap li tassew ikun f’pożizzjoni li jirranġa u jgħaqqad fejn hemm bżonn, speċjalment il-problemi tal-finanzi u l-firdiet fi ħdanu stess.

Għaliex ngħiduha kif inhi, kliem fieragħ ilna nisimgħu ħafna però azzjoni konkreta ftit li xejn rajna. Apparti minn hekk, f’dawn l-aħħar jiem komplew isiru dikjarazzjonijiet fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż minn Membri Parlamentari Nazzjonalisti li jaqtgħulek nifsek tismagħhom.

Smajna lil min jgħid li l-Parlament huwa “maħkum u kkontrollat minn rasu sa saqajh mill-Gvern.” Diskorsi arroganti ta’ din ix-xorta min-naħa ta’ ċertu deputati prominenti Nazzjonalisti ċertament li ma jagħmlux ġieħ lilhom imma wkoll ineżżgħuhom mid-dinjità parlamentari tagħhom u ma jibqax jixraqilhom jissejħu onorevoli. 

Għalhekk, min se jkun maħtur kap, qabel kollox u mill-bidu irid inissel sens ta’ awto-dixxiplina fid-deputati parlamentari tiegħu stess kif ukoll fil-membri kollha tal-partit. Ma jistax ikun aktar, anki b’rispett lejn id-demokrazija, li l-arroganza tibqa’ taħkem il-moħħ ta’ wħud mid-deputati Nazzjonalisti li jaħsbu li għandhom id-dritt li jgħidu li jridu  fuq min iridu u meta jridu.

Il-poplu issa ilu mxebba’ b’atteġġjamenti bħal dawn u ma jridx jisma’ aktar stqarrijiet li jifirdu u mhux jgħaqqdu lill-poplu. Lanqas ma jrid jara attakki bla bażi u bla ġustifikazzjoni fuq l-istituzzjonijiet li jmexxu l-ħajja ta’kuljum tal-pajjiż.

In-Nazzjonalisti għandhom idaħħlu f’moħħhom darba għal dejjem illi jekk mhux se jinbidlu huma bis-serjetà u jbiddlu l-atteġġjament negattiv tagħhom, mhux billi jbiddlu l-kap biss, ħadd ma jlum lill-poplu jekk jibqa’ ma jafdahomx u jħallihom ikkakmati għal snin twal mal-bankijiet tal-oppożizzjoni.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport