Monday, April 14, 2025

Bid-determinazzjoni kollha, fl-aħħar dejjem tiġi ppremjat – Jake Pisani

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol? U għaliex għażilt proprju r-rwol ta’ goalkeeper?

L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet minn ta’ etá żgħira ħafna u minn dejjem preferjet dak ir-rwol ta’ goalkeeper. Kelli ċans insegwi lill-kuġin tiegħi, Manuel Bartolo, li kien ta’ eżempju kbir għalija. Minn dik id- deċiżjoni qatt ma biddilt fehemti u bqajt naħdem fuq dak li vera xtaqt.

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ St Andrews FC.

L-esperjenza tiegħi ma’ St Andrews FC hija waħda ferm pożittiva għaliex mill-ewwel ġurnata dawn laqgħuni u tawni l-fiduċja li nkun il-goalkeeper ewlieni tal-klabb. Kellna mumenti kemm tajbin kif ukoll ħżiena peró bil- ħidma tat-tim u l-istaff kollu dejjem imxejna ‘l quddiem.

X’tikkummenta fuq l-andament ta’ St Andrews FC sa issa fil-BOV Challenge League? U x’inhuma t-tragwardi tagħkom għall-kumplament ta’ dan l-istaġun?

L-andament tagħna kien, bħalma kulħadd xtaq li nkunu mas-sezzjoni tal-promozzjoni għall-Malta Premier, imma sfortunatament bdejna fuq nota mhux daqshekk tajba. Kellna nadattaw u ħdimna biex nibdew naraw ftit iktar riżultati pożittivi u nibqgħu nimmilitaw fil-BOV Challenge League għall-istaġun li ġej. Irnexxielna nkunu mal-iktar timijiet li għandu clean sheets ukoll.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Qed inħares lejn il-futur tiegħi fil-futbol billi nagħmel pass ieħor ‘il quddiem u nilgħab fl-ogħla diviżjoni Maltija billi nibqa’ naħdem u nagħti prestazzjonijiet tajbin. Apparti minn hekk nixtieq li permezz ta’ dan il- pass, ikolli l-opportunitá li nilgħab barra mill-pajjiż.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Il-parir tiegħi hu li jekk taħdem u tagħmel hiltek f’kull logħba u sessjoni ta’ taħriġ, bid-determinazzjoni kollha, fl-aħħar dejjem tiġi ppremjat. Inti trid tkun biex taħdem għal dak li verament trid, iżda dejjem għandek iżżomm f’moħħok il-pariri tajbin li jagħtuk dawk in-nies li tassew iridulek il-ġid f’ħajtek!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport