Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn it-table tennis?
In-namra tiegħi għat-table tennis bdiet meta kont għadni tfal. Ta xi 7/8 snin jien u ħija qlajna sett rackets bin-net u ballun bħala rigal u konna nilagħbu fuq il-mejda tal-pranzu tal-mama. Imbagħad bdejna nilagħbu l-Oratorju ta’ Birkirakara, peressli konna mmorru l-MUSEUM hemmhekk u wara nqattgħu xi siegħa oħra nilagħbu ma’ tfal oħra u anke kbar li kienu juruna xi tricks tal-logħba. Il-logħba kienet sa 21 u tintlagħab fuq imwejjed ħodor. Meta mbagħad dhalt is-sekondarja kien hemm mejda tat-table tennis u bis-saħħa ta’ xi għalliema li kienu jilagħbu magħna tgħallimna iktar kif tintlagħab il-logħba. Kienu jiġu organizzati tournaments tal-iskola wkoll u kont nieħu sehem u kont nasal għall-final kontra xi għalliem. Ovvjament dak iż-żmien ma kelliex ir-rackets professjonali li jintużaw illum imma xorta mexxejt. Imbagħad ta’ xi 15/16-il sena sirt naf li l-klabb tat-table tennis kien il-Belt l-Overseas u anke s-Civil Service Sports Club. Kont immur nilgab hemm u minn hemm bdejt nieħu sehem fil-Kampjonat Nazzjonali, li rbaħna kemm-il darba kemm fit-Tielet Diviżjoni, liema diviżjoni kont trid tibda minnha u kemm it-Tieni Divizjoni. Sfortunatament bniet tampari ma kienx hemm u kont dejjem nilgħab mas-subien. Kienu esperjenzi sbieħ anke meta kont insiefer biex nirrapreżentaw lil Malta għax l-isport jgħinek tikber u tagħmel ħafna ħbieb ukoll.
Kif tqis il-livell tat-table tennis f’pajjiżna fil-preżent?
Il-livell tat-table tennis f’pajjiżna tul dan iż-żmien żviluppa ħafna u laħaq livell għoli bis-saħħa tal-akkademji. L-akkademji jidher li qed jieħdu bis-serjetá ħafna t-taħriġ ta’ dan l-isport. Xi wħud mill-akkademji saħansitra għandhom plejers / kowċis barranin ta’ livell għoli mhux ħażin li jgħinu fit-taħriġ tat- table tennis. Infatti, il-popolaritá tat-table tennis żdiedet sew minn żmieni għal-lum. Biss biss jekk tara kemm hemm timijiet li jipparteċipaw fil-kampjonat nazzjonali, nhar ta’ Ġimgħa u nhar ta’ Tnejn, saħansitra hemm ir Raba’ Diviżjoni, li hi maqsuma f’żewġ gruppi. U l-bniet żdiedu wkoll avolja nixtieq nara li hemm iktar għax is-subien dejjem huma fil-maġġoranza.
U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet tagħkom?
L-akkademji għandhom riżorsi tajbin biex jaħdmu peró Malta hi dik li hi, jiġifieri pajjiż żgħir allura l-plejers li jilagħbu din il-logħba jidraw lil xulxin. Dan mhux bħal Franza jew l-Italja jew iċ-Ċina fejn għandek eluf ta’ plejers ta’ livelli u stili differenti ta’ logħob. L-akkademji jorganizzaw ħafna tournaments ukoll matul is-sena kemm singles kif ukoll doubles, u jagħtu ċans lil kulħadd biex jipparteċipa.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fit-table tennis
Jiena wara li waqaft xi għaxar snin sakemm kelli l-familja tiegħi, erġajt bdejt nilgħab, għax il-logħba nħobbha wisq u naf li tgħinni kemm fiżikament kif ukoll mentalment. Din hija logħba versatili ħafna u tista’ tintlagħab minn kulħadd. M’hemmx għalfejn ikollok xi livell ta’ barra minn hawn. Hawn Malta hawn ħafna nies li jilagħbu ghall-gost id-dar jew għandhom mejda f’xi garaxx u jqattgħu xi siegħa jilagħbu mal-familja jew ħbieb. Issa ilni xi ħames snin li erġajt bdejt u dejjem ħadt sehem f’kull kompetizzjoni u anke fit-Tieni Diviżjoni tal-kampjonat nazzjonali. Il-gost tiegħi nara liż-żgħar li jibdew mix-xejn imma għandhom entużjażmu kbir li jitgħallmu u jilħqu livell tajjeb ħafna għall-etá tagħhom.
Bhal kull tip ta’ sport ieħor jekk l-individwu m’għandux ir-rieda li jagħmel is-sagrifiċċji biex jilħaq livell professjonali ma tantx ħa jirnexxielek. Bid-determinazzjoni u bl-għajnuna ta’ ħafna kowċis li għandna hemm ċans tajjeb li tirnexxi, iżda bħalma għidt diga’ trid tagħmel esperjenza barra minn xtutna għax aħna limitati wisq.