Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
L-imħabba tiegħi għall-futbol tista’ tgħid li minn dejjem kienet ġo fija. Meta konna żgħar konna nilagħbu fit-triq u l-ħajra kompliet tikber bis-saħħa ta’ Pawlu Farrugia (‘il-ħabsi’) fejn kien ħajjarni biex nibda mmur nitħarreġ man-Nursery taż-Zurrieq.
Ħa mmur mal-ewwel ghall-punt. Kif qed tħares lejn l-esperjenza ġdida tiegħek
bħala Kowċ ta’ Mqabba FC.
Kif dejjem għamilt ma’ kull klabb li kont, bid-determinazzjoni u l-għaqda ta’ kulħadd, speċjalment tal-plejers, nemmen li bl-esperjenza li diġá għandhom bħala klabb flimkien mal-esperjenza tiegħi li ksibt matul il-karriera, nistgħu nagħmlu avvanz!
Kemm se tkun qed taħdem mill-qrib mad-Direttur Tekniku l-ġdid u eks kowċ ta’
Mqabba FC, Claudio Calleja?
Claudio Calleja ilni nafu għal diversi snin għax diġá kont ħdimt miegħu bħala kowċ tiegħu maż-Zurrieq F. Għalhekk nemmen li bl-esperjenza tiegħi u bil-ħiliet tiegħu, nistgħu naħdmu tajjeb flimkien biex inħarrġu l-plejers bl-aħjar mod possibbli.
X’tikkummenta fuq l-esperjenzi passati tiegħek fil-kowċing, u kemm tgħallimt minnhom?
Mill-esperjenzi passati tiegħi bħala kowċ li tgħallimt minnhom huma li huma importanti ħafna d-dixxiplina, l-ghaqda u l-maturitá. Nista’ ngħid li taf kemm taf qatt mhu biżżejjed għax minn kull esperjenza ma’ klabbs differenti dejjem se titgħallem affarijiet ġodda kemm mingħand plejers u anke mit-tim kollu ta’ madwarek.
X’tikkummenta fuq il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?
Jiena naħseb li l-livell tal-futbol Malti meta tħares lejn il-futbol ta’ barra minn xtutna nemmen li għad fadlilna ħafna fuq xiex naħdmu. Hemm ċerti affarijiet li ma naqbilx magħhom bħan-numru ta’ plejers barranin li qed jieħdu post il-plejers Maltin għax mhumiex ta’ livell għoli. Eżempju rajna xi plejers li kienu stabbiliti fil-Malta Premier jinżlu fiċ-Challenge League biex jilagħbu iktar regolari u oħrajn li kienu fiċ-Challenge League niżlu fin-National Amateur League.
U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
Bħala grawnds għamilna avvanz, imma li hu ta’ żvantaġġ għax bħala qisien mhumiex ta’ full pitch.
Kif qed tħares lejn il-futur aktar ‘il bogħod tiegħek fil-futbol?
Jiena nemmen li sakemm nibqa’ nikkowċja, bl-esperjenza li għandi u bil-mod ta’ kif naħdem maż-żgħażagħ nista’ nagħti kontribut biex il-plejers dejjem javvanzaw u fl-aħħar mill-aħħar narahom jilagħbu fl-ogħla diviżjoni tal-futbol Malti.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Messaġġ importanti li nixtieq ngħaddi liż-żgħażagħ li jixtiequ jagħmlu karriera ta’ suċċess fil-futbol huwa li bħal kull karriera oħra, tridu tkunu lesti tagħmlu s-sagriffiċji u li taħdmu b’passjoni u determinazzjoni u li ma jaqtgħux qalbhom mal-ewwel intopp iżda jibqgħu jemmnu fihom infushom!