Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-atletika?
Minn dejjem kont persuna avventuruża u nisfida lili nnifsi. Meta kont żgħira l-iskola ġieli kont nieħu sehem f’xi ġirjiet qosra tal-400m peró qatt ma ħadt l-atletika b’mod serju. Fuq il post tax-xogħol dejjem jorganizzawlna xi tip ta’ kompetizzjoni żgħira, fi żmien il- pandemija tal-Covid-19 kellna “steps challenge”.
Minn hemm bdejt niġri għal rasi u komplejt sakemm fl-2022 iddeċidejt li napplika għall-ewwel nofs maratona tiegħi tal-Corsa. Għalkemm qatt ma kont xi persuna sportiva, is-sapport u l-atmosfera tat-tellieqa għoġbuni wisq u wara ftit żmien iddeċidejt li nidħol nifforma parti mal- Evolve Endurance Club sabiex nipprattika l-ġiri b’mod iktar strutturat u kif suppost.
X’suċċessi maġġuri rnexxielek tikseb sa issa f’dan l-isport li tant tħobb?
Għalkemm dan huwa biss it-tieni staġun tiegħi fl-atletika, u ma nikkunsidrax li għandi suċċessi kbar, peró kburija ħafna bil-progress li qed nagħmel. Id-dixxiplina, il- konsistenza u l-impenn li qed ninvesti, flimkien mas-sapport mill-Evolve Endurance Club u l-kowċ Has Kesra, għenuni dejjem intejjeb il-ħinijiet tiegħi, b’mod partikolari fil-5K u 10K.
Din is-sena, irnexxieli nikseb it-tielet post fil-Kirkop 5K, l-ewwel post fil-kategorija Over 30s tan-nisa fiż-Zabbar 5K, kif ukoll it-tielet post fil-Mqabba 5K mill- kategorija tan- nisa. Wieħed mill-aktar mumenti sbieħ għalija kien meta ksibt il-ħin ta’ 20:28 fil- Eurosport Attard 5k, filwaqt li rnexxieli ntejjeb il-ħin tiegħi f’LRC 10K b’ħin ta’ 43:05.
Kif tqis il-livell tal-atletika f’pajjiżna fil-preżent?
Nemmen li l-livell tal-atletika f’Malta qed jitjieb b’mod sostanzjali, kemm fir-riżultati kif ukoll fl-interess ġenerali. Madankollu, meta tqabbel ma’ barra minn xtutna, għad hawn fejn naħdmu, speċjalment f’dak li għandu x’jaqsam mar-riżorsi u l-faċilitajiet.
U dak tar riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?
Bħala riżorsi inħoss li għadna kemmxejn limitati, b’mod partikolari fejn jidħlu spazji u postijiet siguri biex tigri. Meta jkun hemm iktar investiment f’faċilitajiet dedikati għall-atletika, nemmen li l-livell se jitla’ aktar.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-atletika?
Nixtieq inkompli nitjieb b’mod kostanti, nemmen li għad għandi ħafna potenzjal x’nilħaq, u l-għan tiegħi hu li nibqa’ nipprattika l-atletika għal tul ta’ żmien, mhux biss bħala sport iżda bħala stil ta’ ħajja. Is-sena d-dieħla ser nieħu sehem fin-nofs maratona ta’ Berlin, li għalija hija sfida u opportunità importanti ħafna. Dan se jkun pass ieħor lejn li nimbotta l-limiti tiegħi u nkompli nikber f’dan l-isport.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fl-atletika.
Qatt m’hu tard biex tibda, kulħadd jibda minn x’imkien. Bid-dixxiplina, dedikazzjoni u konsistenza tista’ tikseb ħafna iktar milli taħseb. U fuq kollox, gawdi l-vjaġġ: l-atletika mhix biss dwar il-ħinijiet, iżda dwar l-iżvilupp personali u dik is-sensazzjoni li tkun qed tegħleb lilek innifsek kuljum!


