Id-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti nnotifika lill-Kungress bil-pjan dwar il-bejgħ ta’ armi b’valur ta’ $8 biljun lill-Iżrael. Ikkonferma dan uffiċjal Amerikan mal-BBC.
Dan il-pass qed iseħħ ġimagħtejn qabel ma jiġi fi tmiemu l-mandat tal-President Joe Biden. Intqal li l-konsenja tal-armi, li teħtieġ l-approvazzjoni mill-Kumitati tal-Kamra u tas-Senat, jinkludu missili u munizzjon fost oħrajn.
X’aktarx li dan se jkun l-aħħar bejgħ ta’ armi ppjanat lill-Iżrael qabel Biden jitlaq mill-White House fl-20 ta’ Jannar 2025, meta jiġi inawgurat is-suċċessur tiegħu Donald Trump.
Il-President-elett Trump kien diġa’ tkellem dwar it-tmiem tal-kunflitti barranin, it-tnaqqis tal-involviment tal-Istati Uniti, anke fil-perjodu tal-elezzjoni Presidenzjali.
Sadanittant, f’Awwissu li għadda, l-Istati Uniti kienet ukoll approvat il-bejgħ ta’ $20 biljun f’tagħmir militari ieħor lill-Iżrael.