Il-president tal-Istati Uniti Joe Biden għarraf lill-Kungress Amerikan illi se jneħħi lil Kuba mil-lista ta’ stati li jiffinanzjaw it-terroriżmu. Il-ftehim, ġie nnegozjat permezz tal-knisja Kattolika, u tħabbar nhar it-Tlieta, ħamest ijiem biss qabel ma Biden joħroġ mill-White House u Donald Trump jiġi inawgurat bħala s-47 president tal-pajjiż. Il-ftehim milħuq mal-gvern komunista ta’ Kuba jinvolvi l-ħelsien gradwali ta’ 553 priġunier politiku.
It-tneħħija ta’ Kuba mil-lista s-sewda saret wara li tlestliet valutazzjoni li ma sabet ebda informazzjoni li tissostanzja li Kuba tappoġġja u tiffinanzja stati tat-terroriżmu.
Il-knisja Kattolika qed timbotta b’mod sinifikanti dan il-ftehim ma’ Kuba sabiex jitwettaq sett ta’ azzjonijiet li jippermettu l-ħelsien umanitarju ta numru sinifikanti ta’ priġunieri politiċi u dawk li ġew arrestati u miżmuma inġustament f’Kuba.
Il-ministeru għall-affarijiet barranin ta’ Kuba faħħar il-mossa tal-Istati Uniti u qal li minkejja l-ambitu limitat tagħha, din hija deċiżjoni li tipponta lejn id-direzzjoni t-tajba u hija konformi mad-domanda sostnuta u soda mill-gvern u l-poplu ta’ Kuba, kif ukoll is-sejħa wiesgħa, enfatika u mtennija minn bosta gvernijiet, partikolarment dawk tal-Amerika Latina u l-Karibew.
Iżda l-imblokk ekonomiku tal-Istati Uniti tal-gżira kompla, żied il-ministeru tal-affarijiet barranin li sostna wkoll li l-gwerra ekonomika għadha fis-seħħ u qed toħloq ostaklu kbir għall-iżvilupp u l-irkupru tal-ekonomija Kubana, bi spiża umana għolja għall-popolazzjoni u inċentiv għall-emigrazzjoni.
Donald Trump kien ikklassifika lil Kuba bħala stat li jiffinanzja t-terroriżmu fl-2021, ftit qabel telaq mill-kariga ta’ president tal-Istati Uniti talli allegatament ipprovdiet appoġġ ripetut għal atti ta’ terroriżmu internazzjonali bl-għoti ta’ port salv lit-terroristi.
Id-deċiżjoni ta’ Trump kienet infurzat sanzjonijiet li jippenalizzaw persuni u pajjiżi involuti f’ċertu kummerċ ma’ Kuba, jirrestrinġu l-assistenza barranija tal-Istati Uniti, jipprojbixxu l-esportazzjonijiet u l-bejgħ ta’ armi, u jimponu ċerti kontrolli fuq l-esportazzjonijiet ta’ oġġetti.
Id-deċiżjoni ta’ Biden li jitħassar l-istatus tista tgħin biex ittaffi kriżi umanitarja sinifikanti fil-gżira ta’ Kuba, li hija inqas minn 100 mil mill-kosta ta’ Florida.
Iżda Trump xorta jista’ jiddeċiedi li jpoġġi mill-ġdid lil Kuba bħala sponsor tat-terroristi wara l-inawgurazzjoni tiegħu fl-20 ta’ dan ix-xahar. Kuba kienet tpoġġiet fil-lista għall-ewwel fl-1982 waqt il-presidenza ta’ Ronald Reagan iżda kienet tneħħiet minn dik il-lista taħt Barack Obama.
Xi leġiżlaturi Repubblikani kkritikaw id-deċiżjoni u qalu li se jaħdmu ma’ Trump biex ireġġgħu lura d-deċiżjoni ta’ Biden.
Il-President tax-xellug tal-Kolombja, Gustavo Petro, iċċelebra l-mossa ta’ Biden, billi kiteb fuq il-midja soċjali li l-president tal-Istati Uniti li se jispiċċa “dejjem fittex djalogu mad-diversità tal-Amerika Latina. It-tneħħija tas-sanzjonijiet, anke jekk parzjalment, hija pass kbir ‘il quddiem”.
F’dawn l-aħħar snin diversi mexxejja tal-Amerika Latina talbu pubblikament lill-amministrazzjoni Biden biex tneħħi l-klassifikazzjoni ta’ terroriżmu ta’ Kuba, bil-president tal-Brażil, Luiz Inácio Lula da Silva, is-sena l-oħra jgħid lill-assemblea ġenerali tan-NU li jemmen li ma kinitx ġustifikata.
Il-president progressiv taċ-Ċlì, Gabriel Boric, kien ukoll talab lil Biden biex ibiddel il-politika tal-Istati Uniti u jabbanduna s-sanzjonijiet kontra Kuba għaliex, sostna, dawn affettwaw lill-poplu Kuban, mhux lill-gvern.