Il-President tal-Istati Uniti qal lill-President Russu Vladimir Putin li l-Punent se jkun qiegħed jirrispondi b’mod deċiżiv jekk isseħħ l-invażjoni ġewwa l-Ukrajna. Biden tenna li jekk din l-invażjoni seħħ, dan se jwassal għal sofferenzi kbar u iktar iżolament għal Moska.
Fl-aħħar sforzi li saru biex titnaqqas l-ostilità u t-tensjoni f’din il-parti tal-Ewropa, iż-żewġ mexxejja tkellmu permezz tat-telefown liema telefonata damet madwar siegħa. Din it-telefonata saret ġurnata wara li Washington u l-alleati tagħha wissew li l-militar Russu – li kkonċentra 100,000 suldat qrib il-fruntiera mal-Ukrajna – jista’ jkun qiegħed jinvadi minn ħin għall-ieħor. Min-naħa tagħha Moska kompliet tiċħad dan kollu u qalet li t-twissijiet huma “isteriżmu”.
Minkejja dan l-aħħar sforz, jidher li ma kienx hemm żviluppi sostanzjali. Uffiċjal tal-President Biden meta tkellem mal-midja qal li t-telefonata kienet professjonali u ta’ sustanza iżda ma kien hemm l-ebda żviluppi fundamentali. L-uffiċjal Amerikan tenna li mhux ċar jekk Putin hux kommess favur id-diplomazija, u dan minkejja li huwa qabel li jżomm kuntatt ma’ Biden. Min-naħa tagħhom, l-uffiċjali tal-Kremlin qalu li waqt it-telefonata Putin stqarr ma’ Biden li Washington naqas milli tieħu inkonsiderazzjoni t-tħassib ewlieni tar-Russja fejn saħaq li ma rċieva l-ebda “tweġiba ta’ sustanza” dwar punti jaħarqu bħall-espansjoni tan-NATO lejn l-Ukrajna.
Intant, Iżrael, il-Portugall u l-Belġju żdiedu mal-lista ta’ pajjiżi li qed iħeġġu liċ-ċittadini tagħhom biex jitilqu mill-Ukrajna immedjatament. Min-naħa tagħha, l-Istati Uniti ordnat biex il-ħaddiema tal-ambaxxata tagħhom ġewwa l-Ukrajna jitilqu immedjatament. L-Awstralja wkoll ordnat lill-ħaddiema tagħha biex jitilqu minn Kiev, filwaqt li l-Prim Ministru Scott Morrison ħeġġeġ liċ-Ċina biex titkellem favur il-kawża Ukrena u mhux tibqa’ siekta minkejja dak kollu li għaddej.

