Aktar kmieni din il-ġimgħa, Joe Biden ħabbar li kien qed jirtira mill-politika wara li jintemm it-terminu tiegħu ta’ President. Intant, Biden indirizza lin-nazzjon l-Erbgħa biex jispjega d-deċiżjoni storika tiegħu li jirtira mit-tellieqa presidenzjali, u wassal messaġġ riflessiv u ta’ tama dwar il-ħtieġa li jinbeda kapitolu ġdid fl-istorja tal-Amerika.
Huwa qal li jemmen li r-rekord tiegħu bħala president, it-tmexxija tiegħu fid-dinja u l-viżjoni tiegħu għall-futur tal-Amerika kollha kien jistħoqqilhom it-tieni mandat, iżda xejn ma jista’ jfixkel id-demokrazija. Dan jinkludi l-ambizzjoni personali.
“Għalhekk iddeċidejt li l-aħjar triq ‘il quddiem hi li ngħaddi l-presidenza tiegħi lil ġenerazzjoni ġdida. Huwa l-aħjar mod kif ngħaqqdu n-nazzjon tagħna. Hemmħin u post għal vuċijiet ġodda, vuċijiet ġodda… iva, vuċijiet iżgħar. U dak iż-żmien u l-post huma issa.”
Id-diskors sar tlett ijiem wara li Biden ssorprenda lill-pajjiż bit-tħabbira li se jabbanduna l-kampanja presidenzjali tiegħu inqas minn erba’ xhur qabel jum l-elezzjoni.
Biden kien wiegħed li se jkompli jaħdem sabiex l-Amerikani jgħixu ħajja aħjar. Huwa mifhum li xi leġiżlaturi Repubblikani ssuġġerew li Biden għandu jirriżenja aktar milli jtemm il-mandat tiegħu, iżda l-president irrifjuta b’mod sod dawk is-sejħiet
Biden speċifikament wiegħed li se “ikompli jaħdem biex itemm il-gwerra f’Gaża, iġib id-dar l-ostaġġi kollha u jġib il-paċi u s-sigurtà fil-Lvant Nofsani”. Intant, sigħat qabel id-diskors ta’ Biden, Benjamin Netanyahu, il-Prim Ministru Iżraeljan, għamel indirizz diviżiv f’sessjoni konġunta rari tal-Kungress li fiha sejjaħ għal “rebħa totali” fil-gwerra.
Biden semma t-tmexxija tiegħu stess dwar il-politika barranija, inkluż l-appoġġ għall-Ukrajna fost il-gwerra kontra r-Russja, bħala waħda mill-aktar kisbiet kburin tiegħu. Huwa fakkar lill-votanti dwar il-leġiżlazzjoni li ffirma biex jindirizza l-kriżi tal-klima, inaqqas il-vjolenza bl-armi u jespandi l-aċċess għall-kura tas-saħħa.