Il-President elett Joe Biden qal li se jkun qed jitlob lill-poplu Amerikan biex jilbes il-maskra għall-ewwel mitt jum mindu jieħu l-ġurament bħala President tal-Istati Uniti bil-għan li jikkontrolla l-imxija tal-Covid-19.
F’kummenti li għadda lill-aġenzija tal-aħbarijiet CNN huwa qal li jemmen li se jkun hemm tnaqqis sinjifikanti fil-każi ta’ Covid-19 jekk kull persuna fil-pajjiż tilbeż maskra.
Biden qal li se jkun qed jordna li l-maskra tintlibes fl-uffiċini kollha tal-Gvern Amerikan.
L-Istati Uniti rreġistrat 14.1 miljun każ ta’ persuni infettati bil-Covid-19 u 276,000 każ ta’ mwiet kaġun tal-virus – l-ogħla rata reġistrata fid-dinja.
Biden qed jipprepara għall-ġurament tal-ħatra hekk kif kumpaniji tal-farmaċewtika jinsabu bil-lest biex iqassmu miljuni ta’ dożi tal-vaċċini kontra l-Covid-19 lill-poplu Amerikan.
Ir-Renju Unit nhar l-Erbgħa li għadda saret l-ewwel pajjiż fid-dinja li approvat l-użu tal-vaċċin tal-Pfizer.