RIFORMA TAL-INKJESTI MAĠISTERJALI:
F’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard, ingħatat spjega tar-riforma tal-Inkjesti Maġisterjali li qed iressaq il-Gvern fil-Parlament. Riforma li se tkun qed tħares lejn diversi aspetti fil-proċess billi jiġu introdotti salvagwardji li jħarsu d-drittijiet taċ-ċittadini, tiżdied il-kontabbiltà fil-proċess u jingħataw drittijiet statutorji ġodda lill-vittmi u qrabathom.
Din ir-riforma, kif spjega l-Prim Ministru Robert Abela, hi kontra l-abbuż mill-ġustizzja u favur it-tisħiħ tas-saltna tad-dritt. Bidla li hi mnebbħa minn wegħda elettorali li l-Gvern għandu mandat b’saħħtu biex isaħħaħ is-serjetà, l-effettività u l-effiċjenza tal-proċess.
Ir-riforma mhu se ċċaħħad l-ebda aċċess għall-ġustizzja hekk kif mhu se jiġi mittiefes l-ebda jedd ta’ kull ċittadin. Fil-fatt bil-bidla, il-proċess se jkun elevat għal Imħallef li jippresjedi Qorti Kriminali. Bir-riforma tal-Inkjesti Maġisterjali, it-talba għal investigazzjoni fuq allegat reat li jġorr piena ta’ priġunerija ta’ aktar minn tliet snin se ssir għand il-Pulizija li tista’ tmexxi prosekuzzjoni. Kemm-il darba, wara sitt xhur, iċ-ċittadin mhuwiex sodisfatt bl-andament tal-investigazzjoni, l-istess ċittadin se jkun jista’ jressaq rikors quddiem il-Qorti Kriminali, jiġifieri quddiem Imħallef. F’din il-fażi jridu jiġu ppreżentati provi li jkunu ammissibbli fil-Qorti Kriminali.
Fid-deċiżjoni tiegħu, l-Imħallef jista’ jippermetti l-Pulizija tkompli bl-investigazzjoni, itemm l-investigazzjonijiet jew jordna li tibda Inkjesta Maġisterjali. Il-Qorti se tkun qed tiddeċiedi dan fuq bilanċ ta’ probabbiltà u mhux abbażi ta’ ħtija. Il-perjodu ta’ sitt xhur biex ċittadin imur għand Imħallef intgħażel bħala żmien li huwa kostanti ma’ termini oħra stabbiliti fil-liġi. B’din il-bidla wkoll se jiġi riformat iż-żmien inizjali li Inkjesta Maġisterjali trid titlesta minn sittin jum għal sitt xhur u bil-possibbiltà li t-terminu tal-inkjesta jista’ jiġi mġedded biex titlesta fi żmien sentejn.
Marbut mal-aspett ta’ kontabbiltà fis-serjetà tal-proċess, se jidħlu obbligi ġodda marbuta mal-esperti fl-inkjesti fosthom li l-espert għandu jkun persuna fiżika u mhux kumpanija. Obbligu ieħor hu li espert irid ikun konoxxenti ta’ x’inhu l-irwol tiegħu fl-inkjesti kif stabbilit fil-liġi kriminali ta’ pajjiżna u l-ħlas tal-esperti se jkun għal xogħol paragunabbli f’pajjiżna. Relatati ma’ spejjeż ta’ inkjesti, fejn l-ispiża teċċedi l-€50,000, il-Maġistrat li jmexxi l-inkjesta hu obbligat jitlob permess mill-Prim Imħallef li għandu jikkonsulta mal-Avukat Ġenerali. Il-liġi se tiċċara wkoll l-irwol u l-funzjoni tal-Maġistrat Inkwirenti, ewlieni fosthom il-preservazzjoni tal-provi ammissibbli.
B’din il-bidla, persuna suspettata f’investigazzjoni se jkollha drittijiet ġodda billi tkun mgħarrfa li hi suspettata qabel tagħti xhieda, tingħata aċċess għal informazzjoni u jkollha d-dritt li tkun assistita minn Avukat. Ir-riforma se tkompli ssaħħaħ id-drittijiet tal-vittmi fil-proċeduri Kriminali, billi tintroduċi drittijiet ġodda għall-vittmi jew il-qraba, primarjament billi jkollhom dritt ikunu infurmati b’ċerta informazzjoni safejn hu legalment sostenibbli dwar l-andament tal-inkjesta.
Quddiem din ir-riforma, il-Prim Ministru Robert Abela spjega li tant dan il-gvern jemmen fis-serjetà tal-proċess, li se jsaħħaħ din l-għodda tant importanti, li dejjem għandha tintuża favur ir-riċerka u t-tiftix għall-verità. “Mhu se nħallu l-ebda sitwazzjoni fejn persuna sempliċiment tmur biex tiftaħ investigazzjoni u tixħet in-nies f’inkjesta billi tippreżenta xi artiklu u dak jispiċċa prova”, sostna Dr Abela. Il-Prim Ministru fisser li min jikkalunja n-nies u n-negozji, ukoll irid iwieġeb għal għemilu u mhux se jitħalla jinqeda b’pilastru importanti fid-demokrazija ta’ pajjiżna. Dan quddiem il-fatt li min jagħmel talba għal inkjesta b’mod abbużiv, se jkun jista’ jiġi ordnat mill-Qorti jħallas l-ispejjeż marbuta mal-inkjesta.
Il-Prim Ministru Robert Abela nnota r-riformi bla preċedent li wettaq il-Gvern favur il-ħaqq u s-sewwa fil-qasam tal-ġustizzja. Qal li bis-salvagwardji ċari qed iġibu riforma li ma tirrovinax ħajjiet għalxejn u tara li kulħadd iħallas ta’ għemilu. Saħaq li din il-bidla turi att ta’ fiduċja fl-istituzzjonijiet kollha tal-Istat li jaħdmu favur is-sewwa u xejn ħlief is-sewwa.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Jonathan Attard qal, “Illum qed insaħħu d-drittijiet ta’ kull persuna li tista’ tkun involuta fil-proċess legali relatat mal-Inkjesti Maġisterjali. Permezz ta’ dawn l-emendi qed nassiguraw li kulħadd ikun kontabbli ta’ għemilu quddiem il-ġustizzja, imma fl-istess waqt min hu innoċenti m’għandux ikun suġġett għall-martirju legali u morali”, spjega Dr Attard filwaqt li rrimarka li jekk hemm xi ħaġa li tiddistingwi lil dan il-gvern minn ħaddieħor hija r-rieda li jkunu implimentati aktar riformi favur is-sewwa, favur il-ġustizzja xierqa u kontra l-abbuż.
Il-Ministru Attard spjega kif din hija riforma li tibni fuq sensiela sħiħa ta’ riformi kuraġġużi, inkluż it-tisħiħ tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali fl-irwol ta’ Prosekutur fil-pajjiż, żieda fil-Ġudikatura u ħolqien ta’ sezzjoni ta’ Maġistrati Inkwirenti speċjalizzati.