Friday, September 19, 2025

BIDLA LI MA ĠABITX BIDLA

Aqra wkoll

Hekk kif Dr Alex Borg inħatar kap tal-Partit Nazzjonalista u ftit tal-jiem wara assuma l-kariga Kostituzzjonali ta’ Kap tal-Oppożizzjoni, il-Gvern ma naqasx milli jifraħlu. Dan għaliex Gvern immexxi mill-Partit Laburista jemmen bil-fatti fl-għaqda nazzjonali, għaqda li Gvern u Oppożizzjoni jaħdmu flimkien u b’għan wieħed, dak tal-ġid komuni. 

Minkejja dan wieħed jista’ jikkonkludi li ma tantx hemm awgurju li gvern u oppożizzjoni xi darba jistgħu jaħdmu flimkien. Dan billi minn kemm ilu li laħaq kap ma għamel xejn ġdid, għajr li rrepeta l-passi tal-Kap tal-Oppożizzjoni ta’ qablu. Mhux biss imma f’dawn l-aħħar jiem l-Oppożizzjoni, anki b’kap ġdid, kompliet tehda fl-arroganza, it-tgħajjir u l-qerq.

Dan kollu kien evidenti bl-iktar mod ċar, hekk kif Dr Borg bilkemm kien temm l-ewwel intervent tiegħu bħala Kap tal-Oppożizzjoni ġdid ittanta jħarbat l-ewwel sessjoni Parlamentari wara l-waqfa tas-sajf li fiha kellha tiġi diskussa riforma importanti dwar is-sigurtà fit-toroq.

Minflok, huwa għażel li jressaq mozzjoni biex il-parlament jiddiskuti r-rapport tal-awditur ġenerali li ġie ppubblikat u mressaq fil-Parlament ftit minuti qabel dwar l-art tal-Fortina. Dan talbuh minkejja li esponenti ewlenin tal-PN ma waqfu qatt jilmentaw min-nuqqas, skont huma, ta’ sigurtà fit-toroq ta’ pajjiżna.

Il-Gvern, għax ma kellux minn xiex jibża’ jew jistħi laqa’ t-talba tal-Oppożizzjoni għad-diskussjoni li riedu dwar ir-rapport. Stennejna li għall-inqas, li l-Kap tal-Oppożizzjoni se jġib argumenti sodi li jiġġustifikaw it-talba li għamel. Imma għarralna. Xejn ġdid, xejn ta’ sustanza. Minflok, rajna kelliema tal-Oppożizzjoni jinfexxu f’tgħajjir kif huma mdorrijin jagħmlu. Għalhekk dan kollu jistona mal-ewwel kelmiet li lissen Borg illi taħtu, il-PN ma kienx se jħares lejn il-blu u l-aħmar imma lejn il-bajda u l-ħamra.

Dr Borg għad irid juri li huwa l-veru kap tal-PN għax minkejja li ilu iktar minn ġimgħa fil-kariga għadu lanqas biss ħatar Shadow Cabinet. Dan juri li l-ħatra tiegħu għadha ma bdietx tħalli effett fuq il-politika, aktar passata tal-PN. Dan huwa frott tal-fatt li qed nassistu għal kap li jidher li huwa dipendenti minn kompromessi li jrid jagħmel kemm ma’ dawk li ma vvutawlux u kif ukoll ma’ dawk li permezz tagħhom tela’ fil-kariga.

Aħna nibqgħu ninsistu, li ’l bogħod minn kull retorika li tipprova tikkonvinċi, il-pajjiż għandu bżonn Oppożizzjoni serja li twarrab in-negattiviżmu u tagħti prova li fil-PN se jkun hemm il-bidla li l-poplu ilu tant mixtieq minnha. Nittamaw ukoll li l-kap il-ġdid jimplimenta dak li pprietka tul il-kampanja tiegħu, li sejħilha “Dan hu l-Mument” u li verament joffri soluzzjonijiet, ideat u alternattiva kredibbli għall-elettorat.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport