Friday, November 15, 2024

Bidla li se tara negozjanti ġenwini li fallew jerġgħu jsibu saqajhom

Il-Ministru Zrinzo Azzopardi dwar emendi fil-Kodiċi tal-Kummerċ

Aqra wkoll

L-emendi għall-Kodiċi tal-Kummerċ li qed ikunu diskussi bħalissa fil-Parlament huma emendi li se jġeddu b’mod radikali l-proċeduri tal-falliment għall-individwi li jkunu qed jaħdmu fil-Kummerċ. 

Dan iddikjarah il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar, Stefan Zrinzo Azzopardi meta kien qed jindirizza l-Parlament waqt id-diskussjoni fit-Tieni Qari tal-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Kodiċi tal-Kummerċ u liġijiet relatati oħra.

Huwa qal li l-liġi kif inhi sa issa hija waħda antika ħafna u li kellha bżonn aġġornament. Huwa qal li importanti li f’dibattitu bħal dan id-deputati jitkellmu fuq l-impatt ta’ liġijiet ta’ din ix-xorta għax l-andament ekonomiku tal-pajjiż jiddependi fuq kemm ikun b’saħħtu l-kummerċ li għandu jkollu liġijiet b’saħħithom li jirregolawh. Żied biex jgħid li l-Gvern irnexxielu jġib ekonomija b’saħħitha u għalhekk irid li jkollna wkoll liġijiet b’saħħithom li jirregolaw u jsostnu dan l-andament ekonomiku fiċ-ċirkostanzi tal-lum.

Il-Ministru Zrinzo Azzopardi qal li l-emendi għall-Kodiċi tal-Kummerċ se jkunu qegħdin jintroduċu distinzjoni ċara bejn id-dikjarazzjoni ta’ falliment ta’ kumpanija, li għaliha diġà hemm provdut fil-liġi, u dikjarazzjoni ta’ falliment minn persuni li jkunu qed jaħdmu fil-kummerċ li għalihom il-provedimenti dwar il-kumpaniji ma jkunux jgħoddu.

Għal dik il-persuna fil-kummerċ li fl-andament tan-negozju tagħha tkun imxiet b’rettezza imma li tidħol f’diffikultà u tasal biex tiddikjara falliment, din il-liġi issa qed toħloq proċedura li tista’ twassal biex din il-persuna tingħata ċ-ċans li tqum fuq saqajha u anke terġa’ tibda n-negozju tagħha mill-ġdid. Il-Ministru Zrinzo Azzopardi għamilha ċara li min ma jkunx mexa mar-regoli tal-kummerċ, jew bi traskuaġni jew bi frodi falla n-negozju tiegħu, mhux se jkollu l-protezzjoni ta’ din il-liġi.

Bidla important li se tintroduċi l-liġi hija l-perjodu taż-żmien li matulu trid tkun esegwita il-proċedura tal-falliment. Qed jiġi introdott ukoll l-element tat-“trustee” tal-falliment li jieħu f’idejh l-assi tan-negozju u jekk ikun hemm bżonn ikompli jmexxi l-istess negozju. Dan it-trustee se jkun obbligat li jħares id-drittijiet u l-assi tal-kredituri.

Il-Ministru Zrinzo temm jgħid li issa huwa important ferm li l-kommunità kummerċjali u anke l-professjoni legali jagħrfu l-importanza ta’ dawn il-provedimenti ġodda fil-Liġi tal-Kummerċ, liema provedimenti qed jagħmlu rivoluzzjoni fid-dritt legali ta’ dan l-aspett. 

Ekonomija

Sport