Sunday, December 22, 2024

BIDLA MEĦTIEĠA

Aqra wkoll

F’dawn il-jiem il-Parlament qed jiddiskuti bidla fil-liġi li tipprovdi mekkaniżmu biex ikun hemm żblokk f’każ li jibqa’ ma jintlaħaqx qbil ta’ żewġ terzi, għall-kariga ta’ Kummissarju għall-Ħarsien tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika. 

Din hi bidla li wieħed irid jaraha lil hinn mid-dibattitu dwar l-ismijiet li żewġ proponuti għall-karigi li hemm battala bħalissa, fosthom dik imsemmija iktar ’il fuq u dik ta’ Ombudsman. Mhux għax dawk proposti mhux ismijiet b’saħħithom, anzi jkollna ngħidu li huma ismijiet b’saħħithom ħafna. Iżda, għax mekkaniżmu bħal dan mhux isir biss għaċ-ċirkostanza tal-lum, iżda huwa wieħed li jrid jipprovdi sitwazzjonijiet fit-tul. 

Għalhekk qabel xejn irridu naraw jekk il-liġi proposta hix bżonn f’kuntest iktar wiesgħa. U r-risposta ma nagħtuhiex aħna. Meta wieħed iħares lejn il-fatti u kummenti li ntqalu tul is-snin malajr jintebaħ li dan hu bżonn. Kellna diversi istituzzjonijiet li tkellmu fl-imgħoddi dwar il-ħtieġa li jinħoloq mekkaniżmu ta’ dan it-tip. L-Ombudsman innifsu, il-Kummissjoni Venezja, esperti legali, l-Oppożizzjoni parlamentari u saħansitra l-President tar-Repubblika lkoll tkellmu fuq il-ħtieġa ta’ mekkaniżmu anti-deadlock. Dan ifisser li l-qbil biex ma ninqabdux f’impassi bħal dan jeżisti. 

Mela mbagħad id-diskussjoni li tqum wara hi x’tip ta’ mekkaniżmu jista’ jkun hemm. 

Hawn nistaqsu f’demokrazija, x’sistema jista’ jkun hemm aħjar minn dik li tara lir-rappreżentanti tal-poplu jiddeċiedu bl-ikbar trasparenza fil-Parlament, fl-ogħla istituzzjoni quddiem il-poplu kollu. Biex imbagħad il-poplu jkollu dritt jiġġudika dwar dik l-għażla. 

Żgur ma tkunx aħjar xi sistema alternattiva li jiddeċiedu nies li l-poplu ma jkunx jaf min huma jew x’jemmnu. Żgur ma tkunx aħjar sistema fejn jiddeċiedu numru ta’ nies li fl-aħħar mill-aħħar ma jkunu kontabbli lejn ħadd. 

U allura għalhekk wieħed jifhem għaliex fil-manifest elettorali tiegħu l-Partit Nazzjonalista kien propona proprju mekkaniżmu bħal dak li qed jiġi propost fil-Parlament bħalissa. U ma kinitx proposta ta’ darba. F’dokument dwar il-governanza li mbagħad kien issiġġillat f’manifest elettorali, il-proposta kienet ripetuta f’ċirkostanzi differenti. Saħansitra kien intqal proprju hekk: “Sabiex ma niġux f’pożizzjoni li dawn il-karigi jibqgħu vojta għax ma jkunx intlaħaq vot ta’ żewġ terzi fil-Parlament wara darbtejn, it-tielet vot ikun b’maġġoranza sempliċi sabiex il-ħatra tkun tista’ ssir.” 

Jiġifieri rridu ngħidu li bilfors li l-oppożizzjoni għal dan il-mekkaniżmu llum hija kapriċjuża. Fil-Parlament hemm fost l-iktar persuni li kienu voċiferi favur dak il-manifest elettorali u allura dawn il-proposti. 

Illum wieħed irid iżid iktar minn hekk, mekkaniżmu simili għandu jkun ikkunsidrat għal karigi differenti li jinħatru biż-żewġ terzi. Għaliex m’għandu jkun hemm qatt ir-riskju li karigi importanti jitħallew battala. Dan ma jfissirx li wieħed ma jipprovax jilħaq kunsens wiesgħa. Anzi dak għandu jkun prinċipju mifrux fit-tħaddim tal-politika, iżda ebda soċjetà qatt mhi se taqbel fuq kollox. Wara kollox hekk jiġri f’pajjiżi oħra. Tant hu hekk li kienet il-Kummissjoni Venezja nnifisha li fil-każ tal-President tar-Repubblika laqgħet suġġeriment ta’ żblokk ta’ dan it-tip. Saħansitra pajjiżi Ewropej oħra, bħal l-Italja, jużaw sistemi simili fl-ogħla karigi tal-istat. 

B’hekk huwa f’dan il-kuntest kollu li trid tittieħed id-diskussjoni parlamentari. Huwa għalhekk li l-esaġerazzjoni fil-kritika tal-Oppożizzjoni xejn qajla tista’ tittieħed bis-serjetà. Sa ċertu punt l-ismijiet li qed jissemmew bħalissa huma kważi rrelevanti. Għax l-istituzzjonijiet u l-liġijiet tal-pajjiż iridu jkunu robusti biżżejjed li joffru soluzzjonijiet ċari għal meta jinħoloq impass bħal dan. B’hekk id-diskussjoni parlamentari tagħmel sens u għandha tkun estiża għal karigi oħra.

Ekonomija

Sport