Wara pressjoni li saret fost l-oħrajn minn Adrian Delia biex il-Partit Nazzjonalista jbiddel ir-regoli dwar kif għandha ssir il-kampanja għal Kap tal-Partit, l-istess Partit Nazzjonalista għażel li jagħmel tibdil kosmetiku fir-regolamenti.
It-talba ta’ Adrian Delia u anke tal-IGM kien li fost l-oħrajn iż-żewġ kandidati jkunu jistgħu jidibattu lil xulxin, iżda d-diriġenti tal-PN baqgħu jżommu mal-istess pożizzjoni.
Biex jidhru li wettqtu tibdil fir-regoli, għamlu emenda f’regola numru V fejn issa ż-żewġ kandidati waqt intervisti li jagħtu jistgħu jsemmu lil xulxin. Qabel fl-istess regola kien hemm stipulat li ħadd minnhom waqt intervisti li jagħtu ma jistgħu jagħmlu referenza għal xulxin wisq aktar isemmu b’isem lill-kandidat l-ieħor.
Minkejja kollox, iż-żewġ kandidati mhux se jkunu jistgħu jiddibattu lil xulxin kif kien isir f’kampanji għal elezzjonijiet ta’ kap kemm fil-Partit Nazzjonalista u anke fil-Partit Laburista.
S’issa, iż-żewġ kandidati ma kienux għaddew kummenti dwar dan it-tibdil, fost l-oħrajn Delia nnifsu li kien hu li qajjem il-punt li jixtieq jiddibatti lil Alex Borg.