Saturday, September 6, 2025

Bidliet fl-iskwadra Maltija għal-logħba kontra San Marino u tal-U/21 kontra l-Greċja

Aqra wkoll

Numru ta’ bidliet għall-partita ta’ ħbiberija tat-tim nazzjonali kontra San Marino u għal dik ta’ kwalifikazzjoni tat-tim ta’ taħt il-21 sena kontra l-Greċja

Il-kowċ tat-tim nazzjonali Malti, Emilio De Leo, se jkun mingħajr numru ta’ plejers għall-partita ta’ ħbiberija li t-tim nazzjonali se jilgħab nhar it-Tlieta, 9 ta’ Settembru kontra San Marino fl-Istadium Nazzjonali fid-9.00pm. 

Wara analiża medika, mar-ritorn tat-tim nazzjonali f’Malta ftit sigħat wara l-partita ta’ kwalifikazzjoni kontra l-Litwanja, kien deċiż li l-plejers Jake Brimmer u Jodi Jones jintbagħtu lura mal-klabbs rispettivi. Il-plejer Ryan Camenzuli wkoll kien eskluż mill-grupp ta’ plejers disponibbli biex ikun jista’ jirkupra medikament. Intant mistenni jirritorna fl-iskwadra l-plejer Matthew Guillaumier, li tilef l-aħħar partita minħabba sospensjoni. 

Il-kowċ nazzjonali ddeċieda li jibgħat lill-plejers Jake Azzopardi u Keyon Ewurum mal-iskwadra ta’ taħt il-21 sena.  Dawn tal-aħħar se jkunu impenjati fil-logħba kontra l-Greċja, logħba valida minn Grupp F tal-Kampjonat Ewropew tal-UEFA li se tintlagħab fis-Centenary Stadium, nhar it-Tlieta, 9 ta’ Settembru fis-7.00pm. 

Intant it-tim ta’ taħt il-21 sena wkoll se jkollu diversi plejers nieqsa mill-iskwadra minħabba li ma rkuprawx minn problemi fiżiċi.  Magħhom issa żdiedu l-plejers Basil Tuma u Alfie Bridgeman li baqgħu mweġġgħin u allura mhux se jkunu parti mill-iskwadra finali tal-kowċ Davide Mazzotta. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport