Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela qal li l-Gvern iffukat fuq politika li ttejjeb il-kwalità tal-ħajja tan-nies. Meta kien qed jindirizza attività politika fin-Naxxar, Dr Abela qal li filwaqt li ħaddieħor moħħu biex jidher sabiħ ma’ barra u jgħidilna li flus il-poplu tagħna għandu jmur għall-armamenti, Gvern Laburista qed jinsisti li jsir investimnet fil-familji, bil-flus jintefqu fl-għajnuniet soċjali, fis-saħħa, fl-edukazzjoni, l-enerġija, u fil-futur ta’ wliedna.
Dr Abela qal li l-Gvern huwa ffukat fuq il-paċi u meta hu jattendi għal-laqgħat mal-mexxejja Ewropej jitkellem dwar il-ħtiġjiet tal-familji u n-negozji, fuq miżuri li jolqtu l-kwalità tal-ħajja tan-nies, fosthom aċċess aħjar għall-mediċini għaċ-ċittadini tagħna bi prezz ġust. Il-Prim Ministru qal li se jibqa’ jżomm sod mal-pożizzjoni li ħa bħala Gvern Soċjalista li qatt ma jista’ jagħżel l-infiq fuq l-armi flok l-investiment soċjali.
Dr Abela qal li din il-ġimgħa l-Gvern kompla jaħdem favur il-familji, jattira l-investiment, u joħloq aktar opportunitajiet. Semma l-investiment ta’ €22 miljun minn Lufthansa Teknik li se jkun qed jirrendi f’70 karriera ġdida li jfissru xogħol ta’ kwalità għall-Maltin u l-Għawdxin. Il-Prim Ministru qal li għandu jitwessa’ s-servizz taċ-childcare u jiġi massimizzat l-użu tat-teatri tal-isptarijiet għall-operazzjonijiet, fost il-miżuri li se jkomplu jtejbu ħajjet in-nies.
Dwar l-ekonomija f’Għawdex, il-Prim Ministru qal li din hija prijorità, tant li qal is-sena li għaddiet mal-1,500 Għawdxi sabu impjieg f’Għawdex stess. Irrimarka li fl-aħħar sentejn, permezz tal-Malta Enterprise, il-Gvern investa €14-il miljun f’għajnuniet għan-negozji Għawdxin.
Qal li l-mudell ekonomiku ta’ pajjiżna huwa b’saħħtu, għax il-Gvern qed jadotta politika b’ekonomija għan-nies u man-nies. Fakkar kif qabel 12-il sena ilu, qabel ma’ ġie elett Gvern Laburista, l-ekonomija kienet staġnata bi 8,000 persuna jirreġistraw għax-xogħol, nies jagħżlu bejn li jħallsu l-kont tad-dawl jew jixtrux dak li huwa essenzjali għall-ħajja ta’ kuljum, u kien hawn ħafna nies qed ibatu.
Irrimarka li l-Partit Nazzjonalista reġa’ lura għal żmien GonziPN bil-ħatra ta’ Segretarju Ġenerali, u bir-ritorn ta’ Simon Busuttil, u staqsa jekk GonziPN 2 hux se jkun agħar minn GonziPN l-oriġinali. Dr Abela qal li fil-Parlament dawn il-bidliet fil-PN bdew jinħassu tant li l-Oppożizzjoni vvotat bil-qalb kontra l-interessi tal-poplu fosthom l-akbar tnaqqis fit-taxxa fl-istorja ta’ Malta.
Dr Abela qal li min ħataf l-Oppożizzjoni mingħalih irid jaħtaf l-istituzzjonijiet demokratiċi ta’ pajjiżna. Semma l-attakk tal-Oppożizzjoni b’tgħajjir u kliem ta’ disprezz fuq l-Ispeaker. Irrefera wkoll għall-attakk ta’ dawk li suppost huma paladini tas-saltna tad-dritt li jridu jixħtu żewġ maġistrati f’investigazzjoni għax ma qablux ma’ deċiżjoni ta’ ġudikant. Saħaq li għada fil-Parlament, il-Gvern se jgħid le għal din il-politika ta’ mibegħda u tgħajjir.
Il-Prim Ministru qal li dan il-moviment għandu għatx akbar għal iktar bidliet favur il-familji. Sostna li l-Gvern se jaħdem biex ikompli joħloq ġid għall-familji, għall-ħaddiema, u għal uliedna, biex meta se nkunu qed niċċelebraw Jum il-Ħelsien iktar tard dan ix-xahar, se nfakkru l-kisbiet li għamel Gvern Laburista u l-ħidma li se jkompli jwettaq iktar għall-pajjiż b’futur bi prosperità ġdida.
L-attività tal-lum kienet indirizzata mid-Deputat Mexxeja tal-Partit Laburista u Membru tal-Parlament Ewropew Alex Agius Saliba, li saħaq Gvern Laburista se jibqa’ jiddefendi n-newtralità ta’ pajjiżna u l-prinċipji li jidentifikawna bħala Laburisti u Soċjalisti. Sostna li l-prinċipji li wellidhom Dom Mintoff baqgħu jissaħħu minn kull mexxej Laburista u se jibqa’ jsir dan anke minn Robert Abela.
Dr Agius Saliba temm jgħid li f’dan l-ambitu, fil-jiem li ġejjin, il-Partit Laburista se jiċċelebra bil-kbir Jum il-Ħelsien b’numru t’attivitajiet fosthom esebizzjoni, dokumentarju, diskussjoni u programmi fuq l-istazzjonijiet ONE, li jilħqu l-qofol tagħhom biċ-ċerimonja tradizzjonali tal-Ħelsien fil-Birgu l-Ħadd 30 ta’ Marzu.