Thursday, December 26, 2024

BIDLIET SOĊJALI BIEX ĦADD MA JITĦALLA JAQA’ LURA

Aqra wkoll

Ħafna qed iħarsu lejn il-bidu ta’ sena ġdida b’ottimiżmu u b’entużjażmu. Sena li wieħed jittama li tkun aħjar minn ta’ qabilha b’mod partikolari fid-dawl ta’ dak li qiegħed jiġri f’pajjiżi oħra madwar id-dinja kollha b’tama għal ġejjieni aħjar. F’pajjiżna wkoll iridu jkomplu jitwettqu dawk il-bidliet meħtieġa sabiex il-pajjiż ikompli miexi ‘l quddiem, anke f’dik li hija stabbilità ekonomika.

Hekk kif ninsabu fl-aktar żminijiet delikati fejn id-dinja kollha qiegħda taffaċċja sfidi bla preċedent, il-prijorità tal-Gvern kienet, għadha u se tibqa’ dik li l-prezzijiet tal-enerġija għall-konsumaturi u n-negozji jinżammu stabbli. Minn dan is-sussidju qed jibbenefikaw faxex differenti tas-soċjetà b’mod partikolari dawk meqjusa li jinsabu fil-faxxa t’isfel u li kienu jeħtieġu l-aktar għajnuna. 

Dan il-benefiċċju se jippermetti sabiex dawn il-persuni, b’mod partikolari l-anzjani, ma jħabbtux wiċċhom ma’ kontijiet ogħla u għaldaqstant ma jkollhomx piżijiet żejda. Madankollu, irridu nirrikonoxxu li l-isfida tal-għoli tal-ħajja xorta waħda għadha hemm.

Nemmnu li l-2024 se ġġib magħha sfidi ġodda u se tkun is-sena li fiha se nkomplu naraw aktar bidliet soċjali, li fl-aħħar mill-aħħar igawdu minnhom faxex differenti tas-soċjetà. Għad-disa’ sena konsekuttiva se tingħata żieda oħra lill-pensjonanti kollha fuq iż-żieda għall-għoli tal-ħajja. B’kollox biż-żieda tal-għoli tal-ħajja inkluża, kull pensjonant tal-irtirar, ir-romol, dawk tal-invalidità u dawk li jieħdu l-pensjoni taletà se jiżdiedu €15 fil-ġimgħa jew €780 fis-sena. 

Minn din is-sena wkoll l-istess mekkaniżmu li diġà japplika għal dawk li twieldu fl-1962 jew wara se jkun japplika wkoll għall-pensjonanti li twieldu qabel. Dan filwaqt li se jitjiebu l-eżenzjonijiet mit-taxxa li japplikaw mill-età ta’ 61 sena ’l quddiem għall-pensjonanti. 

Fil-kuntest ta’ dan kollu ma nistgħux ma nsemmux id-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru Robert Abela fil-messaġġ tiegħu għas-sena l-ġdida, illi r-riformi jridu jintensifikaw u l-bidla trid tkompli. Filwaqt li nifhmu li kull riforma li titressaq ‘il quddiem, trid issir diskussjoni matura dwarha, din għandha tkun b’mod kostruttiv u mhux waħda li toħloq tensjoni jew pika żejda. Dan għaliex fl-aħħar mill-aħħar dik id-diskussjoni trid twassal biex jittieħdu d-deċiżjonijiet dwarha. 

Nemmnu iżda li dan il-Gvern qatt ma beża’ jbiddel fejn ikun hemm bżonn, anke jekk tirrigwardja minoranza żgħira jew inkella lil min jista’ jkun li qiegħed ibati fis-silenzju. Għaldaqstant nħarsu b’ottimiżmu li dawn ir-riformi jkomplu matul din is-sena u b’hekk ma jitħalla ħadd jaqa’ lura fis-soċjetà.

Ekonomija

Sport