Il-Mapfre Euromed International Championships and EurILCA Europa Cup 2024 ospitati mill-Malta Young Sailors Club, ingħataw bidu dalgħodu fil-Bajja tal-Mellieħa.
Bil-parteċipazzjoni fil-Klassijiet Optimist u ILCA, total ta’ 170 baħħar li jirrappreżentaw 27 pajjiż, gawdew bidu tajjeb għal din ir-regatta mifruxa fuq erbat ijiem. B’riħ medju ta’ 15-il mil nawtiku fis-siegħa, kien hemm spettaklu eċċitanti mifrux fuq il-klassijiet kollha.
Fl-ewwel ġurnata, il-Klassi Optimist Senior kellha erba’ tiġrijiet, filwaqt li l-klassijiet ILCA u l -Optimist Beginners kellhom tliet tlielaq.
Il-baħar relativament kalm ġewwa l-bajja kien ideali għall-baħħara ta’inqas esperjenza u offra introduzzjoni eċċitanti għal prestazzjonijiet fl-ibburdjar fuq livell għoli. Madankollu, il-bidliet fil-kundizzjonijiet tar-riħ l kellu rwol kruċjali biex jipproduċi riżultati mħallta fil-quċċata tal-klassifika proviżorja.
Klassijiet Optimist
Riżultati Proviżorji sas-6:30pm
Il-Klassijiet Optimist Senior u Cadet kellhom erba tlielaq, fil-waqt li fil-Klassi Senio r Andrey Zhakov (BSC), Margauc Nguyen-Min (HKG) u Sebastian Miceli Demajo (MYSC), dan tal-aħħar għadu kemm ħa sehem fil-Kampjonat Dinji tal-Optimist ġewwa l-Arġentina, jinsabu fil-quċċata tal-klassifika proviżorjament.
Il-Franċiża Lilou Backes bħalissa tinsab fl-ewwel post fil-Klassi Optimist Cadet. Warajha jsegwi Ahnieshka Madonich (UKR) u fit-tielet post Ethan Kodjaazliev (RMYC)
Tom Zhang tal-RMYC qed imexxi proviżorjament il-Klassi Beginners, b’żewġ punti vantaġġ fuq Mia Agius u Ben Dingli, it-tnejn jirrappreżentaw il-klabb li qed jospita dawn il-kampjonati, l-Malta Young Sailors Club.
Klassijiet ILCA
Riżultati Proviżorji sas-6:30pm
Fil-klassi ILCA 4, Timmy Vassallo (MSYC), Anatoli Zoubovski (CYP), u Jonas Micallef (RMYC) jinsabu fl-ewwel tlett postijiet fil-klassifka wara l-ewwel tliet tiġrijiet. Fil-klassi ILCA 6, Feodor Zoubovski (CYP), Tomek Vaccaro (RMYC), u Leo Yates (GBR) qegħdin fil-quċċata. Sadattant, Oskar Madonich (UKR), Valeiru Kudrayshov (UKR), u Jeremy Moutout (MON) qed jiddominaw il-flotta ILCA 7.
It-24 edizzjoni tal-Mapfre Euromed International Championships and EurILCA Europa Cup 2024 edizzjoni qed issir taħt l-awspiċji tal-Federazzjoni Maltija tal-Ibburdjar u bl-appoġġ tal-isponsors ewlenin Mapfre, PWC, u Visit Malta. L-avveniment huwa appoġġjat ukoll minn S&D Yachts, Rooster, il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa, Francis Busuttil & Sons (Marketing) Ltd., Red Cross, SportMalta, St Andrew’s Farm, u Ballocco.