… ma tingħatax għajnuna tal-mard għax kellha aktar minn €14,000 f’kapital
Ftit wara li hi u żewġha kienu xtraw dar ġdida, spiċċat kellha tbiegħha minħabba proċeduri ta’ separazzjoni. Ftit wara hi spiċċat mardet b’tumur f’rasha tant li kellha tieqaf mix-xogħol. Applikat għall-għajnuna tal-mard iżda din ma ingħatatilhiex minħabba li skont il-Qorti kien jidher li kellha kapital ta’ aktar minn €14,000.
Jacqueline Attard, li llum għandha 42 sena kienet applikat għall-Għajnuna tal-mard fil-15 t’Ottubru tas-sena 2018. Fit-23 ta’ Jannar, 2019, hi kienet ġiet infurmata li l-applikazzjoni tagħha għall-Għajnuna Medika fi flus kienet ġiet rifjutata għax id-Direttur Ġenerali intimat ma kienx sodisfatt li hija ma kellhiex kapital li ma jeċċedix l-€14,000. Id-Direttur Ġenerali kien spjega li huwa kien ġie mgħarraf bil-fatt li l-mara, li hi mara separata, kienet biegħet id-dar matrimonjali tagħha permezz ta’ kuntratt tal-5 ta’ Diċembru tas-sena 2017, u dan bil-prezz ta’ €189,000. Id-Direttur Ġenerali intimat spjega li l-kapital li mess lil din il-mara mill-bejgħ ta’ din id-dar kien jammonta għal €47,832.49, u hi naqset milli tipprova kif hija kienet qassmet jew nefqet dan l-ammont, b’tali mod li għalhekk id-Direttur Ġenerali ma setax ikun konvint li r-rikorrenti ma kellhiex kapital li jeċċedi l-€14,000.
Jirriżulta li waqt il-proċeduri li saru quddiem l-Arbitru, il-mara spjegat li minn €20,000 li hija kienet iddepożitat fil-Bank APS, hija kienet xtrat karozza u ħallset dejn ta’ €5,000 kull wieħed lil missierha u lil oħtha. Qalet ukoll li biex hi u r-raġel li kellha kienu xtraw id-dar tagħhom li sussegwentement inbiegħet, huma kellhom jissellfu flus mingħand il-ġenituri tagħhom. Spjegat ukoll li l-ammont ta’ €18,000 oħra ntefqu minnha fi ħwejjeġ u oġġetti oħra li kellha bżonn, filwaqt li qalet li hija kellha tieqaf mix-xogħol għax kienet marida. Fil-Qorti hi ppreżentat ukoll kopja tal-istatements bankarji tagħha bħala prova dwar il-flus li kellha fhiex kienu intefqu.
Id-Direttur Ġenerali spjega li huwa kien ser iżomm ferm mad-deċiżjoni oriġinali tiegħu, u dan għax lilu rriżultalu li fit-13 t’Awwissu tas-sena 2018 il-mara kienet fil-pussess ta’ żewġ kontijiet bankarji, wieħed fil-Bank of Valletta u l-ieħor fil-bank APS, fejn kellha ddepożitati l-ammonti ta’ €12,754.20 u €19,999.67 rispettivament, għal total ta’ €32,753.87. L-intimat spjega li kien proprju f’dak ix-xahar li mill-kont tal-APS tal-mara nġibed l-ammont ta’ €19,990, u li din it-transazzjoni saret madwar xahrejn qabel mal-mara applikat għall-Għajnuna għal Mard. Id-Direttur Ġenerali staqsa għal liema raġuni il-mara qalet li kellha d-dejn ma’ missierha u ma’ oħtha, meta l-flus kienu ilhom fil-pussess tagħha minn Diċembru tas-sena 2017, iżda imbagħad stenniet sa Awwissu tas-sena 2019 biex ħallset lura dan id-dejn.
Mis-sentenza tal-Qorti jintqal li f’deċiżjoni mogħtija fit-22 ta’ Ottubru tas-sena 2021, l-arbitru kien qal li wasal għandu dan l-appell għal deċiżjoni li ngħatat mid-DSS u li fiha l-mara ma ingħatatx l-għajnuna tal-amrd għax kellha aktar minn €14,000 bħala kapital. L-arbitru fid-deċiżjoni li ta fil-proċeduri li saru quddiem, dehru li l-mara kien irnexxielha tipprova fejn marru l-flus li kellha u kwindi l-appell qed ikun milqugħ.
Ġara iżda li d-Direttur Ġenerali ressaq l-appell tiegħu mid-deċiżjoni fl-24 ta’ Novembru, 2021, fejn talab lill-Qorti biex tirrevoka u tannulla id-deċiżjoni tal-arbitru. Id-Direttur qal li mill-provi jirriżulta li l-mara u l-ex-raġel tagħha kienu xtraw id-dar matrimonjali tagħhom, jiġifieri l-penthouse u din l-istess penthouse kienet inbiegħet permezz ta’ kuntratt tal-5 ta’ Diċembru tas-sena 2017.
Jispjega li minn dan il-bejgħ, wara li tħallsu l-ispejjeż kollha marbuta mat-trasferiment, il-mara u l-eks raġel tagħha daħħlu s-somma ta’ €38,523.49 kull wieħed. Il-mara spjegat lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, permezz ta’ email, li minn dawn il-flus hija tat €20,000 lil oħtha sabiex tħallasha dak li kienet sellfitha tul is-snin, kif ukoll għaddiet €3,000 lill-ġenituri tagħha wara li dawn ukoll kienu silfuha xi flus.
Il-mara spjegat li għalhekk hija kien għad fadlilha madwar €8,000 fil-kont bankarju tagħha. L-appellant qal li lilu jirriżultalu li ċ-ċekk ta’ €38,523.49 kien ġie ddepożitat fil-kont bankarju tal-mara fil-5 ta’ Diċembru tas-sena 2017, u li erbat ijiem wara, fid-9 ta’ Diċembru, il-mara ġibdet is-somma ta’ €2,352.91 minn dan il-kont, filwaqt li s-somma ta’ €20,002.91 ġiet trasferita minn dan il-kont għall-kont li l-mara għandha mal-bank APS. Mill-istatement bankarju pprovdut mill-mara jirriżulta wkoll li tul iż-żmien kienu inġibdu ammonti varji ta’ flus minn dan il-kont, u fid-data meta l-mara applikat għall-Għajnuna għal Mard, hija kien għad fadlilha €11,995.73 fil-kont tagħha. L-appellant qal li ma jirriżultalu li kien hemm xejn irregolari f’dawn l-ammonti li nġibdu wara d-9 ta’ Diċembru, 2017, għaliex min-naħa tiegħu fehem li dawn l-ammonti kienu meħtieġa mill-maa u bintha sabiex jixtru l-bżonnijiet ta’ kuljum.
Id-Direttur qal li fit-13 t’Awwissu, 2018, jiġifieri madwar xahrejn qabel il-mara applikat għall-Għajnuna għall-Mard, hija ġibdet is-somma ta’ €19,990 mill-kont bankarju tagħha tal-APS, u fis-16 t’Awwissu tas-sena 2019, sena u tliet ijiem wara dan l-iżbank, l-appellata xtrat vettura mingħand bil-prezz ta’ €9,800.
Id-Direttur qal li l-maa ma kienet kredibbli xejn dwar mingħand min hija kienet allegatament issellfet il-flus, u filwaqt li fl-ewwel verżjoni tagħha hija qalet li hija kienet ħallset €20,000 lil oħtha sabiex troddilha dak li allegatament kienet silfitha tul is-snin, u €3,000 lill-ġenituri tagħha sabiex troddilhom lura dak li allegatament sellfuha, fl-appell tagħha quddiem l-Arbitru l-appellata għal darb’oħra qalet li l-flus intużaw minnha sabiex bihom ħallset lil missierha u lil oħtha. Id-direttur kompla jgħid li madanakollu, waqt is-seduta tas-6 ta’ Marzu tas-sena 2020, il-mara bidlet il-verżjoni, u spjegat li mill-€20,000 hija kienet xtrat karozza, u ħallset lura €5,000 dejn li kellha ma’ missierha u €5,000 dejn li kellha ma’ oħtha.
Id-Direttur qal li waqt is-seduta tat-30 ta’ Ottubru tas-sena 2020, il-mara għal darb’oħra bidlet il-verżjoni tagħha, u qalet li missierha kien sellifha €10,000 u mhux oħtha. Missier l-appellata wkoll qal li huwa kien silef lil bintu €10,000 qabel iżżewġet, li minnhom €7,000 inġibdu mill-bank filwaqt li €3,000 kienu tahomlha mill-flus li kien iżomm id-dar. Missier il-mara xehed li bintu kienet tatu €10,000 mill-flus li daħħlet meta biegħet id-dar tagħha. Id-Direttur qal li minn dan għandu jirriżulta li l-appellata tat xejn anqas minn tliet verżjonijiet differenti meta ġiet biex tispjega x’għamlet bl-€20,000 li ġibdet mill-kont tagħha mal-APS.
Id-Direttur qal li min-naħa tiegħu huwa ma jistax jemmen l-aħħar verżjoni mogħtija mill-appellata, għaliex din il-verżjoni tikkontradixxi ferm il-verżjonijiet mogħtija minnha qabel. Kompla jgħid li għajr għax-xhieda ta’ missier il-mara, hija ma ressqet l-ebda prova li missierha kien fil-fatt sellifha €10,000, u minkejja l-prova tal-istatement bankarju li juri li l-missier kien fil-fatt ġibed €7,000 mill-kont tiegħu fis-26 ta’ Jannar, 2015, m’hemm l-ebda prova oħra li dawn il-flus, flimkien ma’ €3,000 oħra, kienu għaddew għand il-mara. Id-Direttur qal li lanqas prova li l-mara raddet €10,000 mill-bejgħ tad-dar matrimonjali lil missierha ma nġabet, bħal ma kienet tkun, per eżempju, kopja tal-istatement bankarju li turi li missierha fil-fatt iddepożita dawn il-flus fil-kont bankarju tiegħu.
Id-Direttur kompla jgħid li l-verżjoni ta’ missier l-appellata li din ħallsitu €10,000 mill-bejgħ tad-dar matrimonjali m’hija xejn kredibbli, u dan għax l-iżbank ta’ dawn il-flus sar mill-kont tal-mara aktar minn tmien xhur wara li din biegħet id-dar tagħha. Id-Direttur qal li filwaqt li l-mara biegħet id-dar tagħha fil-5 ta’ Diċembru tas-sna 2017, hija żbankat is-somma ta’ €19,900 mill-kont tal-APS fit-13 t’Awwissu tas-sena 2018, jiġifieri ftit aktar minn xahrejn wara li hija daħħlet l-applikazzjoni tagħha għall-Għajnuna għal Mard. Id-Direttur qal li l-fatti kif ġraw jisilfu kredibbilità lit-teżi li l-mara fil-fatt ippruvat taħbi dawn il-flus.
Il-Qorti fid-deċiżjoni tagħha qalet li filwaqt li tissimpatizza mal-mara għas-sitwazzjoni verament pjetuża li sabet ruħha fiha, ikollha tirrimarka li kif jidhru l-affarijiet, fiż-żmien meta l-mara applikat għall-Għajnuna għal Mard, jiġifieri fil-15 ta’ Ottubru tas-sena 2018, il-mara kellha f’idejha kapital li jeċċedi l-limitu ta’ €14,000 stipulat mil-liġi. Dan għax minkejja li fil-kontijiet bankarji tagħha l-mara kellha total ta’ €11,995.73, hija kellha wkoll mal-€10,000 fi flus kontanti, li ftit tax-xhur wara intużaw minnha sabiex hija xtrat il-karozza tagħha, ladarba mix-xhieda tal-mara u mill-provi prodotti ma jirriżultax li l-mara kellha tiġbed mill-kontijiet bankarji tagħha biex xtrat il-karozza. Hawn il-Qorti jkollha taqbel mal-pożizzjoni tad-Direttur Ġenerali li ladarba l-mara kienet taf li t-talba tagħha għall-Għajnuna Medika ma kinitx ġiet milqugħha, u l-każ tagħha kien qiegħed quddiem l-Arbitru għall-konsiderazzjoni tiegħu, l-infiq ta’ €10,000 fix-xiri ta’ vettura jindika nuqqas ta’ ħsieb u għaqal min-naħa tagħha. Il-Qorti ma tistax twarrab lanqas il-fatt li l-mara ma kinitx konvinċenti fl-ispjegazzjonijiet tagħha dwar il-mod kif hija nefqet l-ammont ta’ €20,000, li ċertament mhux wieħed żgħir, u li kien hemm inkonsistenzi kbar fl-ammonti li hija tgħid li raddet lura lill-membri tal-familja tagħha. Huwa mistenni minn persuna li tkun isselfet l-ammont ta’ €20,000 minn għand xi ħadd, li tkun kapaċi tipprova dan, jew almenu tkun aktar preċiża fl-ammonti li ssellfet u b’liema modalità hija ħallset lura.
Il-Qorti fid-deċiżjoni fakkret li fis-soċjetà tagħna hemm il-ħtieġa li kull min jiġi bżonn l-għajnuna soċjali, partikolarment minħabba mard, isib dak kollu li jeħtieġ u li l-Istat jieqaf miegħu. Iżda wieħed irid iżomm quddiem għajnejh li l-benefiċċji soċjali li jitħallsu mill-Istat huma piż kollettiv li qiegħed jinġarr minn kull min f’dan il-pajjiż jaħdem u jħallas it-taxxi, u għalhekk id-Direttur Ġenerali t irid ikun ferm prudenti u kawt fil-mod kif jevalwa t-talbiet li jkollu quddiemu. F’dan il-każ mill-provi jirriżulta li d-Direttur kien korrett fl-assessjar tiegħu meta qies li dakinhar li l-mara applikat għall-Għajnuna għal Mard, din kellha kapital li jeċċedi l-€14,000 bejn flus f’idejha u depożiti bankarji.