Thursday, July 10, 2025

‘Biex ikollok karriera ta’ suċċess fil-futbol trid tagħmel ħafna sagrifiċċji, trid tkun dedikat, trid taħdem ħafna u dejjem tibqa’ temmen fik innifsek’ – Nicholas Gauci

Aqra wkoll

Minn Cristian Musat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Kelli biss sitt snin meta bdiet l-imħabba tiegħi lejn il-futbol. Niftakar kont immur il-bandli ma’ missieri u ma’ sħabi, imbagħad ta’ seba’ snin dħalt man-nursery ta’ Birzebbugia SP FC.

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Gudja United FC. U x’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul l-istaġun li għadda?

Mal-klabb tal-Gudja tista’ tgħid li l-esperjenza tiegħi s’issa kienet waħda pożittiva, kemm individwalment kif ukoll bħala tim, fejn żammejna postna fil-BOV Challenge League għal staġun ieħor. Għalkemm kellna skwadra limitata u forsi mhux l-iktar tim bl-esperjenza fid-diviżjoni, xorta waħda nemmen li konna maqgħudin biżżejjed biex nilħqu t-tragward tal-klabb.

X’tikkummenta fuq il-kowċ, Orosco Anonam?

Personalment, jien grat ħafna lejn il-kowċ Orosco Anonam għaliex emmen fija u tani ċ-ċans nesprimi ruħi bħala plejer u nerġa’ nġib il-kunfidenza lura.

U fuq il-kumitat immexxi mill-president, Dr Duncan Borg Myatt?

Bħala kumitat immexxi mill-president Dr Duncan Borg Myatt, nista’ ngħid li qed jagħmlu xogħol kbir minn wara l-kwinti sabiex ikollna staġun pożittiv.

X’tikkummenta fuq il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?

Fil-preżent, il-livell tal-futbol Malti naħseb li qed jogħla, għax kull tim ikun armat biżżejjed biex jagħtik logħba. Fl-opinjoni tiegħi, naħseb li ħafna mill-plejers Maltin qed jinżlu diviżjoni biex ikollhom iktar ċans jilgħaburegolarment, u għalhekk dejjem jogħla l-livell.

U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?

Il-grawnds f’Malta nemmen li jistgħu jkunu aħjar, però mill-ftit li hawn, nista’ ngħid li dejjem nilagħbu l-logħob kompetittiv tagħna fl-aħjar grawnds possibbli bħala diviżjoni tal-BOV Challenge League.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Jien, bħala plejer tal-futbol, minn dejjem kont ambizzjuz u nħares ’il fuq kemm nista’ sabiex nasal fl-iktar lig kompetittiv li hawn ġewwa Malta.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Biex ikollok karriera ta’ suċċess fil-futbol trid tagħmel ħafna sagrifiċċji, trid tkun dedikat, trid taħdem ħafna u dejjem tibqa’ temmen fik innifsek – speċjalment meta ħadd ma jemmen fik. U bħalma nafu, il-karriera ta’ plejer tal-futbol hija qasira, u għalhekk l-importanti li tieħu gost tilgħab!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport