Wednesday, June 4, 2025

Biex ikollok karriera ta’ suċċess fil-futbol xi drabi t-talent mhux biżżejjed … trid iżżomm f’moħħok li tibqa’ taħdem qatigħ – Luke Borg

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Ta’ madwar tliet snin kont bdejt nittenja x-Shotokan Karate peró l-futbol nemmen li kien dejjem ġo fija. Ta’ madwar tmien snin bdejt nittrenja mat-tim ta’ raħal twelidi, Ħad-Dingli u bqajt’ tiela’ magħhom fejn anke għamilt id-debutt tiegħi mat-tim tal-kbar fl-Ewwel Diviżjoni. Fejn jidħol kowċing, barra li kont nara lil missieri jikkowċja u ġieli assistejtu, persuna li rat li għandi potenzjal kien il-kowċ, Godfrey Grima. Fil-fatt kien hu stess li ħajjarni mmur ma’ Ħal-Qormi u kelli l-ewwel esperjenzi tiegħi bħala kowċ, filwaqt li bqajt nilgħab ukoll. Li nagħti l-100% tiegħi fiż-żewġ rwoli ħassejt li kienet xi ħaġa diffiċli u għalhekk ta’ madwar 23 sena għamilt sena nikkowċja biss. Biex ngħid il-veritá, il-futbol bħala plejer immissjajtu u għalhekk erġajt dħalt nilgħab fl-istaġun ta’ wara, din id-darba ma’ Mdina Knights, filwaqt li bqajt nikkowċja peró għamilt ftit xhur biss għaliex inqalgħet opportunitá oħra ta’ kowċing li kienet tirrikjedi impenn ta’ kuljum u minn hemm ‘il quddiem bqajt nikkowċja biss.

Iddeskrivi r-rwol tiegħek bħala wiehħd mill-kowċis tat-tim tan-nisa ta’ Swieqi United FC.

Wara ħames snin naħdem bħala fitness coach fl-MFA speċjalment fis-setturi tat-tfajliet, ħassejt li kelli bżonn sfida ġdida. Meta ġejt avviċinat minn Swieqi United FC biex inservi bħala fitness coach għat-tim tal-kbar tan-nisa, ħassejt li din kienet l-opportunitá ġusta li nieħu, l-ewwelnett għax xtaqt nidħol f’tim li għalkemm kien rebaħ unur wieħed minn meta fforma, kellu struttura tajba u emmint li flimkien stajna nilħqu objettivi ġodda. Barra minn hekk kont naf uħud mlil-istaff u plejers li kont ħa naħdem magħhom lhekk kif kont diġá ħdimt magħhom fil-passat li nemmen kien ta’ vantaġġ. Bħala rwol mas-Swieqi bdejna billi flimkien mal-kowċis. pjanajna l-pre-season sal-ewwel logħba tal-kampjonat u minn hemm imxejna ġimgħa b’ġimgħa anke minħabba l-fatt li l-fixtures kienu jdumu ma joħorgu. Waqt il-pre-season il-plejers ħadmu tajjeb fiżikament u s-sessjonijiet kienu ta’ intensitá tajba. Għalkemm kellna bidu ftit iebes u ridna naraw kif it-tim jista’ joħroġ il-potenzja tiegħu fil-pitch, nemmen li kellna bażi tajba biex waqt l-istaġun stajna nkomplu nibbilanċjaw fuq l-aspetti kollha tal-logħba inkluż dak fiżiku.

U r-rwol l-ieħor tiegħek bħala fitness coach ta’ Valletta FC.

Meta ġejt avviċinat mill-kowċ Thane Micallef konna nafu li l-objettiv tal-klabb kien dak ta’ promozzjoni lura għall-Malta Premier. Barra r-rwol ta’ fitness coach kont ukoll involut fl-analiżi tas-‘set-plays’ tat-tim oppost bejn logħba u oħra, filwaqt li kont nieħu ħsieb is-‘set- plays’ favur u kontra t-tim ta’ Valletta FC waqt il-logħob li kellna. L-atmosfera fit-tim fil-bidu dehret wahda ftit inċerta minħabba ċerti affarijiet li ġew mil-istagun passat peró l-plejers kienu magħna mil-bidu fil-kamp ta’ taħriġ u meta ssetjaw l-affarijiet setgħu jiffukaw purament fuq il-futbol. L-għaqda fit-tim mhux biss bejn il-plejers imma anke mal-istaff u l-partitarji kienet waħda pożittiva u għalkemm il-pressjoni kienet hemm, li tirbaħ il-kampjonat b’20 punt vantaġġ fuq it-tieni post turi dan kollu. It-tim baqa’ jittrenja b’intensitá għolja minn ġimgħa għall-oħra u ħassejt li stajna naraw it-tim fejn qiegħed mil-lat fiżiku meta fl-FA Trophy iltqajna ma’ timijiet tal-Premier, kif ukoll meta fl-tieqa internazzjonali kellna żewġ plejers mgħajtin man-nazzjonal u anke għamluha mal-lista finali tat-tim nazzjonali, xi ħaġa li hija ta’ unur kemm għall-plejers infushom kif ukoll għalina bħala staff u l-klabb innifsu. Għalkemm forsi ma spiċċajniex l-isytaġun bl-aħjar mod possibli minhabba t-telfa fil-finali taċ-Challenge Cup, logħba waħda żgur li ma tirriflettix staġun sħiħ. Inħoss anzi li għalija personali anke jekk forsi mil-lat mentali kien staġun iebes, meta nħares lura kien staġun sabiħ immens, bil-qofol tal-istaġun ikunu ċ-ċelebrazzjonijiet fil-Belt Valletta tar-rebħ tal-kampjonat.

X’taħseb li kien is-sigriet tas-suċċess wara r-rebħ tal-ewwel kampjonat storiku minn Swieqi United FC fil-jiem li għaddew?

Kif semmejt qabel il-bidu kien wieħed iebes fejn tlifna ammont ta’ punti kontra timijiet li nafu li riedu jjisfidaw għar-rebħ tal-kampjonat dan l-istaġun, peró r-rebħ tas-Super Cup f’Diċembru kienet motivazzjoni fiha nfisha u nemmen li t-tim seta’ jemmen iktar fil-valur vera tiegħu. Minn dakinhar xorta żammejna saqajna mal-art, bqajna nimxu logħba b’logħba, naraw li qed inqassmu l-ġimgħa tat-taħriġ b’mod tajjeb, fejn il-plejers setgħu ikollhom il-wirjiet tagħhom filwaqt li nnaqqsu r-riskji ta’ injuries u l-iktar ħaġa importanti hija li bqajna konsistenti, f’kampjonat li baqa’ missielet sal-aħħar bejn erba’ timijiet. Dan ir-rebh ta’ kampjonat storiku jfisser ukoll li għall-ewwel darba Swieqi United FC se jkunu qed jikkompetu fl-ikbar kompetizzjoni Ewropea tal-klabbs, dik tal-UEFA Women’s Champions League. B’hekk dan l-unur ħa jwassal għal iktar motivazzjoni u xogħol biex it-tim ikompli jikber minn kull aspett kalċisitiku għall-istaġun li ġej.

Kif tqis il-livell tal-futbol tan-nisa f’pajjiżna fil-preżent?

Dan l-istaġun kien wieħed kompetittiv bejn l-ewwel erba’ timijet peró meta tqis il-kampjonat sħiħ ta’ tmien timijiet għad hemm distakk kbir bejn ċerti klabbs. Dan jidher ċar kemm fil-livell ta’ plejers individwali, kemm fil-logħba, kif ukoll fl-iskors infushom. Nemmen li jekk il-livell irid jogħla, id-distakk hemm bżonn li jonqos u hemm hafna affarijiet li jistgħu isiru. L-ewwel u qabel kollox l-ammont ta’ plejers barranin fl-iskwadri irid jiżdied kemm fil-pitch kif ukoll fuq il-bankina. Meta ħa ġġib plejer barranija dejjem ħa timmira li din tkun ta’ livell daqs jew aħjar minn Maltija u b’hekk ħa ttejjeb it-taħriġ, ha titjieb il-plejer Maltija u ħa jitjieb il-livell ta’ futbol li jintlagħab. Barra minn hekk għalkemm diġá sar avvanz hemm bżonn li iktar timijiet jinvestu fi staff speċjalizzat. Dan l-istaġun nemmen li Swieqi United FC għamlu dak li kellhom jagħmlu jiġifieri kellek staff bi rwoli differenti – ta’ kowċ, assistenta, analista, dak fiziku, dak tal-goalkeeeprs u dak mediku. Il-faċilitajiet u l-apparat li jintużaw ukoll jistgħu ikunu dejjem aħjar. Fejn jidħol taħriġ li jkollok ‘full pitch’, bid-daqs ta’ ’11-a-side’ proprja, ħa jgħin biex toħloq ambjent aktar realistiku għall-plejers filwaqt li tagħmel sessjonijiet aktar abbażi ta’ dak li tixtieq tara inti fit-tim bħala kowċ. Għalkemm nafu d-diffikultajiet li għandna f’Malta b’mod ġenerali f’dan l-aspett, dejjem irridu nħarsu ‘l quddiem.

U dak tal-grawnds fejn tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?

Fejn jidħlu grawnds dejjem jiddependi fejn se jkollok il-fixture tal-logħba. F’Malta għandek grawnds ta’ daqs tajjeb, art tajba u anke li jixxarrbu, filwaqt li għandek oħrajn b’daqs inqas minn dak standard, l-art tkun waslet biex tinbidel u ma jixxarrab qatt għax ma jkunx sar ix-xogħol minn qabel meta jsiru l-grawnds. Dan huma kollha fatturi li jagħmlu d-differenza u b’hekk ċerti grawnds huma tajbin u oħrajn li mhux ġust li plejer tilgħab fuqhom.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Jekk inħares lejn kif bdejt u fejn wasalt illum inħoss li kelli ċans nesperjenza livelli differenti ta’ futbol kemm fi klabbs, nazzjonal, etajiet differenti u anke kemm futbol maskili u anke dak femminili. Dawn kollha għenuni biex dejjem nibqa’ nikber bħala persuna, anke grazzi għall- kowċis bravi li ħdimt magħhom tul is-snin kif ukoll li nagħraf jien x’nixtieq mill-futbol. Illum sirt niffoka u nagħti hafna iktar importanza fuq dak li għandi llum u l-preżent, peró tgħallimt ukoll li xi drabi trid tkun inti li tagħmel il-pass jekk vera tixtieq kambjament u li tkun inti stess li taħdem għal dak li jixraqlek. Bħalissa, inħoss li l-livell tal-kbar, kif kont dan l-istaġun, huwa dak li jimmotivani l-iktar fil-futbol u għalhekk inħares ‘il quddiem f’dan ir-rigward.

Għaddi messaġġ finali speċjalment lill-bniet u t-tfajliet li jixtiequ jagħmlu karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Il-futbol huwa sport sabiħ li jista’ jagħtik ħafna matul ħajtek. Parir li nagħti, speċjalment lill-ġenituri, huwa li minn ta’ etá żgħira ħudu lit-tfal tagħkom jippruvaw sports differenti speċjalment l-atletika u l-ġinnastika flimkien ma’ ‘mixed sports’ ieħor. Dawn jistgħu jibnu bażi tajba għall-karriera tal-bniet tagħkom fil-futbol u tgħinhom jiżviluppaw mhux biss b’mod fiżiku imma anke minn dak ħolistiku. Fejn jidħol il-plejer, parir li nagħti huwa li l-ewwel u qabel kollox żomm il-futbol bħala xi ħaġa li tieħu gost tagħmilha għaliex meta tieħu gost tagħmel xi ħaġa, dejjem ħa tagħti iktar. Fl-istess ħin, kull sessjoni ta’ taħriġ jew logħba trid tidħol għaliha b’’mindset’ u attitudni tajba kif ukoll tkun lesta tagħti l-100% tiegħek dejjem. Aspetti oħra bħal nutrizzjoni tajba, livell fiżiku għoli u element psikoloġiku b’saħħtu imorru id f’id mal-lati tekniċi u tattiċi tal-futbol. L-aħħar messagg li nixtieq ngħaddi huwa li biex ikollok karriera ta’ suċċess fil-futbol, xi drabi t-talent mhux biżżejjed … għalhekk trid iżżomm f’moħħok li tibqa’ taħdem għaliha flimkien mal-aspetti l-oħra kollha!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport