Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol u l-futsal?
L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet minn dejjem. Kont nara lil hija u lill-kuġini jilagħbu u kont nipprova nlaħħaq magħhom. Fil-futsal bdejt nintroduċi ruħi iktar tard fil-karriera.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek mat-timijiet rispettivi tiegħek fil-kampjonati tal-Futsal, Veterans u Masters.
L-esperjenza tiegħi f’dawn il-kampjonati hija waħda tajba ħafna, tagħmel ħbieb ġodda u l-atmosfera fid-dressing room qisha ta’ familja estiża.
U dik mat-tim nazzjonali Malti tal-Futsal u l-Veterans.
Dejjem ikun ta’ unur li tirrapreżenta lil pajjiżek. Jien kont ixxurtjat biżżejjed li rrapreżentajt lil Malta ħafna drabi fil-futsal u dan l-aħħar anke fin-Nazzjonal tal-Veterans.
X’tikkummenta fuq il-livell tar riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom minn dawn il-kampjonati rispettivi?
Fejn jidħol taħriġ tal-futsal ir-riżorsi huma limitati ħafna għax il-courts iridu jitqassmu ma’ dixxiplini sportivi oħra. Bħala grawnds ta’ fejn nilagħbu, naħseb li huma tajbin.
Kif tqis il-mentalitá tal-isport f’pajjiżna fil-preżent?
Jien naħseb li fuq livell nazzjonali, il-pajjiż għandu jinvesti ħafna iktar. L-isport għandu jkun inkluż ħafna iktar fil-kurrikulu tal-iskola. Il-benefiċċji li joffri l-isport huma kbar (fiżikament, mentalment, soċjalment u affarijiet oħra).
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-isport? Għad narawk kowċ ‘il quddiem?
Bħalissa m’għandix ħajra li nibda nikkowċja għax għadni involut f’diversi kampjonati u l-ħin huwa ftit limitat.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fl-isport.
Biex ikollok suċċess trid tħares ‘il quddiem b’mod pożittiv u tkun lest li tagħmel is-sagrifiċċji. Peró, is-sodisfazzjon ta’ fejn tista’ tasal u l-memorji li tagħmel, inessuk kull sagrifiċċju li tgħaddi minnu!