Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
Il-futbol għalija huwa ħajti. Dejjem bil-ballun miegħi u dejjem nikteb wara xi logħba x’ikunu għamlu l- plejers li nkun qed nsegwi biex nipprova nagħmel bħalhom. Dejjem inpinġi xi pitch fit-triq bil-ġibs u nitqatlu għal kull ballun, biss jien dejjem kont nagħmilha tal-kowċ ma’ sħabi tat-triq. Minn dejjem kienet ix-xewqa tiegħi li nikkowċja. Biss ħassejt dik l-emozzjoni kbira għall-futbol kif rajt l-ewwel darba lil Ronaldo l-Brażiljan jilgħab … ma ninsiha qatt!
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek bħala kowċ tat-tim ta’ taħt il-11-il sena fin-nursery ta’ Hamrun Spartans FC.
Mal-Hamrun issa ilni tmien staġuni bħala kowċ. Bdejt nassisti lil-leġġenda Stefan Sultana u ra potenzjal fija. S’issa ikkowċjajt kull age group tal-grassroots miż-żgħar nett sat-tfal taħt l-14-il sena. Bħalissa nikkowċja tfal taħt l-14-il sena, imma kull grupp jagħtik sodisfazzjoni personali meta tarahom jikbru pass pass u jimmaturaw kemm bħala persuni u anke bħala plejers fil-logħba. Jien nagħti ħajti għan-nursery għax l-imħabba tiegħi lejn il-lokal hija naturali għalija.
U dik passata tiegħek bħala plejer tal-istess tim.
Bħala plejer mal-Hamrun ma tantx domt, għamilt sa 13-il sena u mort mal-Marsa fejn lgħabt sal- Ewwel Diviżjoni. Kelli injuries serji żgħir kemm f’dahari u anke fi rkoppti li ma stajtx inkompli nitħarreġ ta’ 23 sena fi sport intensiv. Qatt ma ħassejtni li stajt nagħmilha fl-aqwa diviżjoni u b’hekk dejjem pruvajt nistudja l-logħba minn lenti oħra. Kif waqaft mill-futbol bqajt nassisti maż-żgħar il-Marsa sakemm tfajt vera moħħi hemm u bdejt il-liċenzji necessarji biex nibda nikkowcja f’nursery bħal tal-Hamrun.
Huwa fatt maghruf li t-tim tal-kbar ta’ Hamrun Spartans FC qed jutilizza bosta plejers prodotti tan- nursery tagħkom. X’taħseb li hu s-sigriet ta’ dan is-suċċess?
Naħseb li kulħadd għajnejh f’wiċċu. Meta tara tfal b’dik il-kwalitá li kibru fil-pitch tagħna ma tistax ma tilgħabhomx. Dawk jagħtu kollox għall-arma ta’ fuq sidirhom għax is sagrificcji li għamlu flimkien mal- kowċis fil-passat huma kbar. Fil-bidu li bdejt mal-Hamrun niftakar plejers bħal Sven Xerri u Shaisen Attard li kienu għadhom żgħar u kont titpaxxa tarahom jilagħbu. Sar ħafna xogħol magħhom u ħaqqhom jiġu ppremjati bil-logħob. Is-sigriet hu ħafna xogħol mingħajr daqq ta’ trombi.
Kif tqis il-livell tal-grassroots f’pajjiżna?
Il-grassroots f’pajjiżna mexa ħafna ‘l quddiem imma għadna ħafna ‘l bogħod. Kowċis kwalifikati u taħriġ kontinwu biex nibqgħu nitgħallmu huwa importanti għax taf kemm taf qatt mhu biżżejjed. Bħal ma ngħid lit-tfal kollha, illum għandhom kollox bl-internet f’idejhom u ħafna tfal huma intelliġenti kmieni fil-logħba għax jużaw mill-mezzi kif suppost. Jieklu tajjeb, jaħdmu fuq il-fiżika tagħhom minn etá żgħira, janalizzaw plejers kbar u hemm min hu vera dedikat. Iżda tilfu l-logħob tat-triq li aħna bħala kowċis naħseb li rridu ndaħħluha ftit aktar fit-taħriġ tagħna.
U dak tal-futbol Malti fil-preżent, u kif rajtu jinbidel tul is-snin?
Il-futbol Malti għamel qabża kbira ‘l quddiem miż-żmien ta’ qabel. Qabel kont tara plejer wieħed jibbrilla f’tim. Illum sirt tara kwalitá vera tajba f’ħafna plejers stabbiliti u plejers żgħażagħ. Irid ikun hawn aktar kowċis li jieħdu riskju jilagħbu ż-żgħażagħ, għax naħseb li ħafna plejers qed jaqtgħu qalbhom kmieni.
U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu, u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
Għall-pajjiż żgħir li aħna, grawnds hawn biżżejjed imma mhux kollha huma miżmumin f’kundizzjoni tajba.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Qabel kont ngħidlek nixtieq insir kowċ u nirbaħ il-Malta Premier. Issa sirt ngħid, nixtieq insir head coach għax ir-rebħ huwa ħafna aktar minn dak ta’ fuq l-iscoreboard. Ir-rebħ li nixtieq hu li nieħu ħsieb nursery u nibni struttura fejn naraw tfal jimmaturaw f’persuni, plejers, referees u kowċis tajba, b’valuri u sinsla soda.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Jien dejjem ngħid lit-tfal tan-nursery li l-kelma ‘taħriġ’ ma togħġobnix, jien togħġobni l-kelma ‘nilgħab’. Immur nilgħab il-futbol mhux nittrenja u importanti li tħobb tilgħab il-futbol mhux tmur għat- taħriġ għax bagħtuk il-ġenituri tiegħek. Xogħlna l-kowċis hu dak li nżommu l-ambjent edukativ fl- istess ħin intensiv biex min iħobb il-futbol ikollu l-aqwa taħriġ possibli.
Biex tagħmel suċċess, trid tagħmel sagrifiċċji kbar u se jkun hemm żmien ta’ pressjoni enormi. Issa jekk ma tkunx tħobb tilgħab il-futbol, huwa ‘worth it’?!