Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet minn età żgħira hekk kif kont insegwi lit-tim favorit tiegħi l-Inter u kont nitla’ l-grawnd nara l-Marsa.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek bħala kowċ fin-nursery ta’ Qormi FC.
L-esperjenza tiegħi ma’ Qormi FC nista’ ngħid li hija waħda pożittiva. Fil-ħajja tal- futbol tiltaqa’ ma’ ħafna kowċis u plejers li dawn mingħandom dejjem titgħallem affarijiet differenti. Nixtieq nirringrazzja lill-kumitat preżenti ta’ Qormi FC u liċ- chairman Jason Dingli li jaħdem ħafna biex il-club ta’ Qormi llum qiegħed fejn qiegħed.
Huwa fatt magħruf li t-tim tal kbar ta’ Qormi FC qed jutilizza bosta plejers prodotti tan-nursery tagħkom. X’inhu s-sigriet ta’ dan is-suċċess?
Bħalma jgħid il-Malti – li tiżra taħsad! Tieħu pjaċir li tara tfal speċjalment tfal Qormin li jagħmlu d-debutt tagħhom mat-tim tal-kbar. Is-sigriet ta’ dan is-suċċess mhu xejn ħlief li temmen u tagħti l-importanza meħtieġa lill-youths u t-tfal ippatuhulek lura.
Kif tqis il-livell tal-grassroots f’pajjiżna?
Il-livell tal-grassroots f’pajjizna fil-fehma tiegħi sejjer ‘il quddiem peró rridu nkunu iktar paċenzjużi u naħdmu biex inġibu r-riżultati u nipproduċu iktar plejers li mhix ħaġa faċli minħabba l-popolazzjoni żgħira li għandna u r-riżorsi li huma limitati.
U dak tal-futbol Malti fil-preżent, u kif rajtu jinbidel tul is-snin?
Meta tħares lejn il-progress li diġá sar u qed isir, għandna nkunu iktar pożittivi u paċenzjużi. Id-dinja ma nħolqitx f’qasir zmien u kollox jieħu l-ħin tiegħu. Meta tħares lejn il-kompetizzjonijiet qed naraw li ħafna mill-kompetizzjonijiet qegħdin ‘close’ ħafna u se jiġu missielta sal-aħħar, li fil-fehma tiegħi huwa progress.
U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
Rigward Qormi Sport Complex fejn nitħarrġu żgur li m’għandna xejn xi ngergru. Nittrenjaw f’pitch full-size u kulħadd għandu l-ħin allokat tiegħu biex nieħdu l- massimu minn kull ‘age group’. Rigward pitches li mmorru għal-logħob fihom hawn ħafna grawnds li għandhom bżonn issirilhom xi manutenzjoni speċjalment it-turf biex jiġu evitati kemm jista’ jkun injuries.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Inħares lejn il-futur tiegħi b’ottimiżmu u pożittivitá biex inkompli nikber u nitgħallem kemm bħala kowċ u biex kemm jista’ jkun inkun ta’ eżempju għat-tfal tagħna.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
It-triq biex ikollok karriera fil-futbol mhix faċli, iżda hija waħda twila u iebsa jekk trid tasal għal-livell tajjeb. Biex tasal fil-futbol jirrikjedi ħafna xogħol kemm fil-pitch u anke barra minnu, peró, int biss tista’ twassal lilek innifsek. Inħeġġeġ li jekk hemm xi ġenituri u tfal li għandhom għal qalbhom il-futbol biex tieħdu lit-tfal f’waħda mill-ħafna nurseries li hawn Malta.