Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
Il-futbol dejjem kien l-isport favorit tieghi. Meta kelli ħames snin bdejt nattendi in-nursery ta’ Sannat Lions. Ta’ seba’ snin ingħaqadt man-nursery ta’ Xaghra United sakemm għalaqt 14-il sena. Wara bdejt nattendi n-nursery ta’ Mosta FC, Malta. Kont ninżel għat-taħriġ kuljum wara l-iskola. Niftakar ukoll li kont immur il-MUSEM kmieni biex noqgħod nilgħab il-futbol fil-grawnd.
X’tikkummenta fuq l-esperjenza tiegħek sa issa ma’ Nadur Youngsters FC?
Nista’ ngħid li jien bdejt il-karriera tal-futbol tiegħi mal-klabb glorjuż ta’ Nadur Youngsters. Kelli biss 17-il sena meta jien ngħaqadt ma’ dan il-klabb li tani l- opportunitá li nibda nilgħab fil-Kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni ta’ Għawdex. Mal- klabb tan Nadur inħossni li kbirt magħhom fil-logħba tal-futbol, mill-esperjenzi li kelli tgħallimt ħafna, għenuni mentalment u tawni aktar motivazzjoni fil-football ghaliex huma emmnu fija. Il-klabb tan-Nadur żgur li se jibqa’ f’qalbi għax tani ħafna sodisfazzjon fil-futbol. Irbaħt diversi unuri magħhom u sahansitra lgħabt il- mitt partita tiegħi magħhom.
X’tikkummenta fuq l-istaġun li għadda għal Nadur Youngsters FC?
L-aħħar staġun ma kienx wieħed faċli, imma xorta nħoss li tani sodisfazzjon kbir. Bdejna fuq sieq ħażina imma mbagħad bdejna nirkupraw u bdejna nitjiebu ma’ kull partita li bdejna nilagħbu. Konna teim magħqud u stinkajna lkoll flimkien biex nimxu ‘l quddiem. Spiċċajna fit-tieni post tal-klassifika u rbaħna wkoll il-finali tal-BOV Cup.
U fuq il-kowċ, Brian Chetcuti?
Il-kowċ Brian Chetcuti huwa kowċ tajjeb u professjonali. Nista’ nghid li huwa tassew ‘hard worker’. Huwa dejjem immotivana biex inħarsu ‘l quddiem u kien ta’ kuraġġ għat-tim meta ltqajna ma’ problemi u meta l-affarijiet ma kinux sejrin sew. Brian huwa kowċ li tista’ tiftaħ qalbek miegħu kemm meta jkollok problemi fuq futbol u anke problemi oħra. Minn qalbi ngħidlu grazzi ta’ kollox u ta’ kemm għamel magħna l-plejers.
Kif tqis il-livell tal-futbol Għawdxi fil-preżent?
Il-livell tal-futbol Għawdxi qiegħed ikompli jitjieb. Qegħdin isiru kompetizzjonijiet fejn qegħdin jieħdu sehem plejers Għawdxin, fejn ikollhom iċ-ċans u l-opportunitá jilagħbu ma’ timijiet barranin.
U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
Il-grawnds li nagħmlu użu minnhom huma tajbin. Eżempju, il-Gozo Stadium huwa grawnd vera sabiħ u tieħu gost tilgħab ġo fih.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
L-ambizzjonijiet tiegħi huma li nkompli ntejjeb lili nnifsi fiżikament , teknikament u anke mentalment. Nixtieq li jkolli iktar opportunitajiet biex nieħu sehem f’ kompetizzjonijiet tal-futbol u nkompli nieħu pjaċir nilgħab u nżid memorji sbieħ.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Il-messaġġ tiegħi huwa li l-logħba tal-futbol hija logħba sabiħa u li tagħtik ħafna sodisfazzjon. Imma biex tasal u tagħmel suċċess trid tkun dedikat, dixxiplinat u trid tkun motivat biex ittejjeb lilek innifsek.