Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn is-snooker?
Jien trabbejt l-Isla fejn missieri kellu każin b’sitt imwejjed tas-snooker. Kont narahom jilagħbu u minn dejjem għogbitni din il-logħba.
Kif irnexxielek tiżviluppa l-ħiliet tiegħek f’dan l-isport illi tant tħobb?
Biex tirnexxi f’kull sport, jirrikjedi ħafna sagrifiċċju. Kont nittrenja xi erba’ sigħat kuljum biex irnexxieli nasal fejn wasalt illum.
Hemm xi logħba li tiftakar aktar minn oħrajn li lgħabt fiha u rbaħt?
L-aktar li niftakar hi meta rbaħt il-Kampjonat Ewropew tat-Timijiet. Din irbaħtha tliet darbiet u kull finali kien fiha memorja memorabbli għalija. L-ewwel darba li rbaħtha kont fit-Tim ma’ Alex Borg u Simon Zammit ġewwa l-Latvja fl-2002 u kienet memorabbli għax kien l- ewwel unur Ewropew li rbaħt. It-tieni waħda fl-2014 ġewwa r-Rumanija kien inbidel il-format u ġie b’tim ta’ żewġ players u flimkien ma’ Alex Borg, erġajna rbaħna dan il-Kampjonat. L-aħħar Kampjonat li rbaħt kien fl-2019 flimkien ma’ Tony Drago ġewwa l-Polonja.
Kif rajt il-logħba tas-snooker tinbidel matul l-aħħar snin f’Malta għalkemm għadek ta’ età relattivament żgħira?
Dawn l-aħħar snin grazzi għal SportMalta u l-Kap Eżekuttiv tagħha, is-Sur Mark Cutajar, infetħet l-akkademja attrezzata bl-aħjar imwejjed tas-snooker u l-aqwa kundizzjonijiet. Dan se jkun ta’ għajnuna ghalina l-players meta niġu biex nikkompetu barra minn Malta għax il-kundizzjonijiet tal-imwejjed huma simili ħafna.
X’inhi l-iktar ħaġa mportanti li għandu jkollu player tas-snooker?
Fl-opinjoni tiegħi, dedikazzjoni u trid tkun lest li tqatta’ ħin twil fuq il-mejda tas-snooker.
Min taħseb illi hu l-player numru wieħed tas-snooker fid-dinja bħalissa?
Bla dubju, Ronnie O’ Sullivan.
Nixtieqek tgħaddi l-aħħar messaġġ tiegħek lil dawk iż-żgħażagħ illi jixtiequ jaqbdu karriera fis-snooker.
Naħseb li l-aktar importanti li ż-żgħażagħ jieħdu sehem fi kwalunkwe sport għax dan jgħin kemm fiżikament kif ukoll mentalment. Bħala snooker, għandna akkademja b’sebat imwejjed mill-aqwa, kif ukoll hemm kowċis kwalifikati biex jgħinu liż-żgħażagħ jitgħallmu din il-logħba sabiħa!