Friday, October 3, 2025

‘Biex tkun f’saħħtek trid tieħu ħsieb kemm l-aspett fiżiku, mentali u dak soċjali’ – Lara Camilleri

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-isport?

Ta’ seba’ snin kont bdejt nattendi t-trakka tal-atletika tal-Marsa għal taħrig fl-atletika organizzat minn Skola Sport. Minn hemm kien hemm kowċ fejn avviċina lill-ġenituri tiegħi biex inkompli nitħarreg ma’ klabb privat. Minn hemm bdejt nitħarreġ iktar fl-atletika u kont anke nikkompeti. Wara ħafna snin bdejt nilgħab in-Netball ukoll. L-iskola sekondarja komplejt nistudja fuq l-Edukazzjoni Fiżika (PE) billi kont għażiltu bħala option. Minn dejjem kelli ħolma li nkompli nitħarreġ fuq hekk u li nagħżel karriera relatata mal-isport. Fil-fatt fl-2013 gradwajt mill-Univeristá ta’ Malta b’Baċċellerat fl-Edukazzjoni Fiżika u għandi l-professjoni ta’ għalliema tal-Edukażżjoni Fiżika (PE) fi skola sekondarja.

Iddeskrivi l-esperjenza passata tiegħek bħala kowċ tal-għawm ma’ Marsaxlokk ASC.

Wara li gradwajt, kont bdejt naħdem ma’ SportMalta bħala kowċ u head coach. Wara li mort ngħix Marsaxlokk, ġiet l-opportunitá li naħdem mal-klabb ta’ Marsaxlokk ASC. Kienet opportunitá li għoġbitni għax filwaqt li nkun qed nagħmel xogħol li tant inħobb, fl-istess ħin inkun qed nagħti l-kontribut tiegħi lil komunitá Xlukkajra.

Minn hemm bdiet esperjenza ta’ ħames snin ma’ Marsaxlokk ASC fejn krejajna Sport Summer School matul il-ġurnata ffukata fuq l-għawm u attivitajiet sportivi oħra, kif ukoll skola tal-għawm wara nofsinhar, b’attivitajiet oħra bħal Aqua fitness għall-adulti. Il-konkorrenza kienet tajba ħafna, fejn flimkien mal-kumitat ħdimt biex tellajna numru sabiħ ta’ ‘l fuq minn 100 student, fejn għal raħal żgħir bħal Marsaxlokk hu numru inkoraġġanti ħafna.

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek fl-isport fejn qed torganizza fitness classes privati u taħdem mal-Kunsilli Lokali fejn toffru sessjonijiet b’xejn lir-residenti.

Maż-żmien, minħabba flessibiltá tax-xogħol, kelli nieqaf mir-rwol tiegħi ta’ Head coach, u ffukajt fuq Fitness. Flimkien mal-Kunsilli Lokali ta’ Marsaxlokk kif ukoll ta’ Birzebbugia, naħdmu biex nipprovdu sessjonijiet ta’ fitness u yoga b’xejn lir-residenti. Dawn is- sessjonijiet huma addatati għal kull etá u huma ta’ inċentiv biex kull persuna jkollha opportunitá taħdem fuq ħajja b’saħħitha. Għandi wkoll sessjonijiet oħra ta’ fitness mal- grupp ‘Fit Squad Malta’ f’livell naqra iktar avvanzat fejn noffri tipi ta’ taħriġ differenti bħal Tabata u Circuit training. Apparti l-classes, norganizza regolarment attivitajjiet soċjali għan- nies li jattendu dawn il-classes, bħal pereżempju beach sessions, kayaking, line dancing classes, camping, trekking Malta kif ukoll barra min xtutna, treasure hunts, u xi ikla tajba ma tonqosx! Nemmen ħafna f’ħajja bilanċjata u biex tkun f’saħħtek trid tieħu ħsieb kemm l-aspett fiżiku, mentali u dak soċjali. Din hi xi ħaġa li nemmen ħafna fiha.

Fil-jiem li għaddew ingħatajt l-unur ta’ ‘Ġieħ Marsaxlokk’. Agħtina iktar dettalji.

Iva, ingħatajt rikonixximent mill-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk għall-kontribut tieghi fl-isport fil-Komunitá Xlukkajra. L-għan tieghi hu li nippromwovi ħajja f’saħħitha fil-komunitá. Ħajja bilanċjata fejn in-nies jiltaqgħu biex jaħdmu fiżikament u fl-istess ħin jaħdmu fuq is-saħħa mentali u soċjali tagħhom permezz tal-attivitajjiet soċjali li norganizza. Ikolli ħafna kummenti pożittivi dwar is-sessjonijiet ta’ attivitá li norganizza u kemm qed jagħmlu benefiċċji fis-saħħa tar-residenti. Kull sena norganizza f’Marsaxlokk il-Pink October Walk fejn niġbor donazzjonijiet li jingħataw lil xi għaqda voluntiera li tgħin nisa li jkunu għaddejjin mill-marda tal-kanċer tas-sider. Inħossni ferm onorata li l-kontribut tiegħi qed ikun ta’ ġid u li jiġi apprezzat!

Kif tqis il-mentalitá tal-isport f’pajjiżna fil-preżent, u kif rajtha tinbidel tul is-snin?

Maż-żmien rajt kambjament kbir lejn il-pożittiv. Illum in-nies qed isiru iktar konxji dwar l-importanza tal-eżerċizzju fiżiku u nutrizzjoni bilanċjata biex ikollok ħajja f’saħħitha. Mill- esperjenza tiegħi bħala għalliema, in-numru ta’ tfal li qed jitħarrġu f’xi tip ta’ sport qed jiżdied.

X’tikkummenta fuq ir-riżorsi fejn l-atleti tagħna jitħarrġu u jkollhom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħhom?

Naħseb li qed isir investiment tajjeb f’ċentri sportivi ġodda u attrezzati sew għall-atleti. SportMalta hija ta’ għajnuna kbira għall diversi għaqdiet. Apparti hekk inċentivi oħra bħal Sport Scholarship schemes, u Special sports leave ikomplu jkunu ta’ għajnuna għal min jixtieq ikompli jispeċjalizza fuq l-isport tiegħu u anke jikkompeti barra minn Malta. Ovvjament, minħabba li aħna pajjiż żgħir hemm il-limitazzjonijiet. Nemmen li għandu jkun hemm iktar lok ta’ opportunitajjiet barra minn Malta, mhux għall-kompetizzjonijiet biss, iżda wkoll f’taħriġ fejn l-aqwa atleti jkunu jistgħu jitħarrġu ma’ atleti oħra ta’ livell għoli biex itejbu l-livell tagħhom.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-isport?

L-isport kien dejjem parti importanti minn ħajti. Illum għalkemm m’għadnix nipparteċipa fi sport kompetittiv, xorta ma nimmaġinax ħajti mingħajr eżercizzju fiżiku. Insib sodisfazzjon kbir fit-tagħlim li ngħaddi lill-istudenti tiegħi tal-iskola, kif ukoll lin-nies li jattendu l-fitness classes. Il-ħajja hija sabiħa wisq u ‘l quddiem nispera li jkolli saħħa biżżejjed biex nibqa’ għaddejja u nkompli nesplora attivitajjiet sportivi u avventuri differenti!

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fl-isport.

L-importanti hu li ma taqtax qalbek, temmen fik innifsek, tkun lest li tagħmel sagrifiċċju u tikkommetti ruħek.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport