Minn Cristian Muscat
Kif bdiet il-ħajra tiegħek illi tilgħab dan l-isport?
F’Diċembru tal-2013, meta kelli sitt snin, missieri ġab mejda tat-table tennis id-dar u introduċieni għal dan l-isport. Imbagħad f’April tal-2014 ingħaqadt ma’ HiTT Academy fejn bdejt nittrenja mal-coach Mario Genovese. Sirt inħobb il-logħba mill-bidu nett, tant li f’Diċembru ta’ dik is-sena mort l-ewwel kamp ta’ taħriġ tiegħi fl-Olanda fejn kont l-iżgħar player fil-kamp.
X’unuri prinċipali rbaħt fit-table tennis kemm f’pajjiżna kif ukoll barra minn xtutna?
F’pajjiżna, irbaħt diversi unuri nazzjonali. Fil-fatt sirt Champion Nazzjonali tal-U11 Singles, U11 Doubles, U13 Singles, U15 Singles, U15 Doubles, U18 Doubles u U21 Doubles. Bħalissa qiegħed ranked mal-ewwel għaxar plejers ta’ Malta overall. Barra minn Malta irbaħt tliet medalji tad-deheb fil-logħob U15 tal-COGI Small Island Games li saru f’Mejju 2022 f’Palma de Mallorca. Minn Ottubru tas-sena l-oħra, bdejt nilgħab ukoll fil-Kampjonat Taljan ma’ ASD Tennis Tavolo Sant Espedito Napoli, team fis-Serie B2.
Kemm hu popolari mal-poplu inġenerali f’Malta, it-table tennis?
Għalkemm mhuwiex l-aktar sport popolari f’Malta, it-table tennis qiegħed dejjem jikber lokalment. Issib ħafna li jilgħabuh bħala delizzju f’ċentri għaż-żgħażagħ u anke f’kumpaniji. Barra minn Malta wkoll qed iżid ħafna fil-popolaritá, speċjalment fl-aħħar snin fejn qed isiru ħafna aktar tournaments mad-dinja kollha.
Kellimni dwar il-kampjonat tat-table tennis lokali. Kemm hemm plejers illi jipparteċipaw fih?
Fil-kampjonat lokali organizzat mill-Malta Table Tennis Association (MTTA) hemm erba’ diviżjonijiet, b’għaxar teams f’kull diviżjoni. Il-logħob kollu tal-kampjonat jintlagħab fil-kumpless sportiv f’Tal-Qroqq. B’kollox hemm madwar mitejn u ħamsin plejer attivi, minn żgħar sa adulti. Il-logħob tat-tielet u r-raba’ diviżjoni jinżamm nhar ta’ Ġimgħa u dak tal-ewwel u t-tieni diviżjoni jintlagħab nhar ta’ Tnejn. Jiena qed nilgħab mat-tim tal-Ewwel Diviżjoni, HiTT Academy Kyte Consultants.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek f’dan l-isport?
Nixtieq inkompli l-karriera tiegħi fit-table tennis kemm lokalment imma aktar u aktar barra minn Malta. L-esperjenza li qed nieħu kull meta mmur nilgħab l-Italja u f’pajjiżi oħra qed tiswieli ħafna, u tinkuraġġini biex nibqa’ nitjieb. Barra minn hekk qed nagħmel ukoll ħafna ħbieb kull fejn immur u dan inħoss li jgħinni ħafna.
Nixtieqek tgħaddi l-aħħar appell lil dawk li qegħdin jaqraw din l-intervista u jixtiequ jaqbdu t-table-tennis.
Bħal kull sport ieħor, biex wieħed jilgħab it-table-tennis b’mod kompetittiv, irid jiddedika ħafna ħin għat-taħriġ, u jrid ikun lest jagħmel sagrifiċċji kbar. Peró, imbagħad, dawk is-sagrifiċċji jissarrfu f’esperjenzi mill-isbaħ!