Il-programm ta’ cash rebate huwa inċentiv fiskali fejn pajjiżna jagħti persentaġġ ta’ flus lura lil produzzjonijiet lokali u barranin, wara li jiġu ppreżentati l-provi ta’ kif intefqu l-flus f’pajjiżna permezz ta’ awditjar rigoruż. Iddikjara dan il-Ministeru għat-Turiżmu b’reazzjoni għall-istqarrija tal-Oppożizzjoni dwar l-industrija tal-films.
Il-Ministeru kompla biex jgħid li dak li ntqal fl-istqarrija tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista u kampanji bbażati fuq tagħrif li m’għandux mill-fatti jistgħu jgerrxu l-investiment, itellfu x-xogħol tan-nies u jheddu l-industrija tal-films. Kampanja li twassal għal dan hija irresponsabbli.
Il-Ministeru saħaq li l-aħħar snin kienu fost l-aqwa għall-industrija tal-films f’pajjiżna u dan riżultat ta’ investiment li għandu l-għan li joħloq impjiegi u karrieri ta’ kwalità, filwaqt li jippromwovi lil pajjiżna bħala ċentru għal din l-industrija.
Fuq kollox din hi industrija ta’ kwalità li pajjiżna għandu jkompli jinvesti fiha u l-attakk sistematiku fuqha huwa attakk fuq pajjiżna, fuq ix-xogħol tan-nies u dawk li investew fl-industrija tal-films. Permezz tal-programm tal-cash rebate qed ikun inċentivat ix-xogħol u jingħata s-serħan tal-moħħ lil dawk kollha li jaħdmu f’din l-industrija li għandhom karriera.
“F’din l-industrija pajjiżna qiegħed jikkompeti mad-dinja kollha. Inċentivi fiskali attraenti jsaħħu l-kompetittività ta’ pajjiżna fid-dinja tal-films u dan b’mod konsistenti ma’ investiment f’industriji li jġibu l-kwalità lejn pajjiżna”, tenniet tgħid l-istqarrija.
L-istqarrija tkompli biex tgħid li llum, pajjiżna qiegħed jattira produzzjonijiet tal-films matul is-sena kollha. Minn industrija tal-part-time jew tal-perjodu u minn industrija tal-ftit, il-ħidma ta’ dan il-Gvern issarrfet biex illum għandna industrija li taħdem is-sena kollha fejn il-ġid igawdi minnu kulħadd, b’mod dirett jew indirett.
“Xogħol u karrieri fil-films huma ferm iktar minn voucher għal min jaħdem fis-settur u għalhekk il-Gvern hu determinat li jkompli jsaħħaħ l-industrija tal-films u noħolqu aktar xogħol li jwassal għal karrieri f’din l-industrija”, temm jgħid il-Ministeru.